Nisa Laburisti permezz ta’ stqarrija ddeskriviet il-baġit għas-sena d-dieħla bħala wieħed li ta dinjità lil kulħadd. Jispikkaw inizjattivi li juru kemm il-gvern fassal il-budget bil-ħtiġijiet ta’ sezzjonijiet differenti tas-soċjetà fi ħsiebu. Fil-fatt, il-baġit ifassal ukoll futur sabiħ għall-familji.
Dan b’inizjattivi ġodda bħal dawk għat-tfal orfni, l-għotjiet għall-familji li jadottaw u anke ż-żieda fl-allowance għall-foster parents, li hi l-ewwel waħda fi tmien snin. Dawn huma inizjattivi socjali li juru biċ-ċar kemm il-gvern qed jaħdem fl-interess tat-tfal u l-familji Maltin u Għawdxin.
Nisa Laburisti qalu li l-istess ħsieb favur il-familji kollha, il-gvern qed iżomm kelmtu dwar ir-riforma tant meħtieġa għall-estensjoni fis-servizz tal-IVF b’tisħiħ fil-liġi li tkun tirrifletti aħjar l-avvanzi xjentifiċi biex aktar koppji jkunu jistgħu jibbenifikaw minn din l-opportunità. Nilqgħu ukoll l-inizjattiva li l-ammont ta’ manteniment imħallas ma jibqax jitqies bħala dħul għall-fini tat-test tal-mezzi tal-karta roża.
B’mod li iktar persuni se jibbenefikaw minn mediċini b’xejn. Ninnotaw ukoll kif il-gvern qed iħares ‘l quddiem biex jagħti ħajja aħjar lill- żgħażagħ bniet b’imġieba diffiċli. Dan huwa wkoll riflessjoni ta’ kemm il-gvern għandu għal qalbu l-ġenerazzjoni futura ta’ pajjizna. Il-budget huwa wkoll riflessjoni ta’ kemm il-gvern għandu għal qalbu lill-pensjonanti b’enfasi fuq in-nisa, ir-romol u anke familji bi dħul baxx li se jerġgħu jaraw żieda fl-inwork benefit fost oħrajn.
Il-President ta’ NL – Nisa Laburisti, Claudette Abela Baldacchino, qalet li tħares ‘l quddiem biex tara dan il-budget jitwettaq.