Fl-ewwel stħarriġ tal-opinjoni pubblika mill-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat kompla jiġi kkonfermat bħala l-aktar mexxej fdat f’pajjiżna.L-istħarriġ li sar fl-aħħar jiem, juri li Muscat igawdi fiduċja ta’ 51%, żieda ta’ kważi tmien punti mal-aħħar stħarriġ li għamlet l-istess gazzetta jumejn qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Saħansitra, il-fiduċja tal-poplu f’Muscat hija tmien punti ogħla minn kemm kienet fl-ewwel 100 jum tal-ewwel leġislatura tiegħu bħala Prim Ministru fl-2013.
L-istħarriġ, l-ewwel wieħed bejn Muscat u Delia wera wkoll li Joseph Muscat għandu vantaġġ ta’ 29% fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Il-gazzetta tgħid li Delia jgawdi l-fiduċja ta’ 54% biss tal-votanti Nazzjonalisti u 22% fuq bażi nazzjonali. Tgħid li dan jikkuntrasta bil-kbir mal-fiduċja li jgawdi Muscat li jgawdi 92% tal-fiduċja tal-votanti Laburisti u 51% fuq bażi nazzjonali.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ riżultat dwar il-partiti, il-Partit Laburista għandu vantaġġ ta’ 25% fuq il-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt meta mistoqsijin lil min jivvotaw f’każ li ssir elezzjoni ġenerali għada, 46.4% wieġbu li jivvotaw lill-PL waqt li 22% qalu li jivvotaw lill-PN.