Se jħalluh imexxi? – One News

Notifiki

Se jħalluh imexxi?

Id-dħul tal-kap Nazzjonalista Adrian Delia fil-Parlament, u l-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, suppost li jġibu fi tmiemu episodju ġdid fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, u anke fl-istorja ta’ pajjiżna. Suppost għandu jibda episodju ġid ladarba issa Adrian Delia m’għandu xejn xi jfixxklu milli jagħti l-kontribut tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Imma għad baqa’ mistoqsija kbira dwar kemm verament igawdi appoġġ Adrian Delia fil-partit tiegħu. Żewġ avvenimenti li graw f’dawn l-aħħar jiem, jixħtu dubju serju dan.

Wieħed minn dawn l-avvenimenti kienet l-okkażjoni tal-għoti tal-ġurament lil Adrian Delia bħala Membru Parlamentari.  Suppost li kellha tkun okkażjoni pubblika fejn id-deputati kollha Nazzjonalisti misshom taw prova li verament se jaħdmu għall-għaqda fil-partit.  Imma bl-assenza tagħhom, nofs id-deputati urew mod ieħor, għax, bir-raġun, l-assenza tagħhom,  kienet interpretata bħala nuqqas ta’ fiduċja fil-kap il-ġdid.

Imma forsi l-aktar avveniment importanti kien il-vot li ttieħed fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ssejjaħ proprju biex Adrian Delia jkun co-opted għall-Parlament.  Il-voti fil-Kumitat Eżekuttiv normalment jittieħdu b’mod sigriet, imma f’dan il-każ kien hemm biss vot bit-turija tal-idejn.

Ir-raġuni hija waħda ċara.  Adrian Delia u ta’ madwaru ma ridux li jkun hemm numru ta’ voti kontrih. Jekk mhux ukoll beżgħu li l-co-option tiegħu fil-Parlament ma tkunx approvata mill-istess Kumitat Eżekuttiv, bil-problemi kollha li sitwazzjoni bħal din kienet iġġib magħha.

Ovvjament, iż-żewġ avvenimenti jqajjmu għadd ta’ mistoqsijiet, fosthom:  Adrian Delia se jirnexxielu jgħaqqad lill-partit?  Se jirnexxielu jkollu appoġġ qawwi biżżejjed fl-organi tal-partit, fosthom il-grupp parlamentari? Fi ftit kliem:  Adrian Delia se jitħalla jmexxi lill-Partit Nazzjonalista?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija ma tistax tingħata kif ġieb u laħaq.  Ma tistax tingħata llum. Kollox jiddependi minn Adrian Delia nnifsu.  Jiddependi minn kemm se jdum biex jirrealizza x’inhuma r-responsabbiltajiet li ddeċieda li jidħol għalihom.

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Send this to a friend