Nibnu Qorti ġdid? | One News

Notifiki

Nibnu Qorti ġdid?

Riċentement il-President tal-Qrati għamel suġġeriment li jinsab post ikbar għall-qrati.  Qisu l-ispazju li hemm mhux biżżejjed.  U dan wara li l-uffiċċji tal-Imħallfin marru fid-dar San Tumas Moore fi Strada Stretta, u qabel kienet ittieħdet dar oħra ħalli saret il-Qorti tal-Familja.

Assolutament ma naqbilx u jkun ħela ta’ flus il-poplu.

Fil-qrati ili ndur u nagħqad għal dawn l-aħħar 51 sena.  L-ewwel bħala reġistratur mis-sena 1966,  umbagħad mis-sena 1970 bħala avukat.  Jien ilħaqt il-Qorti maqsum fi tnejn.  Il-Qorti tal-Maġistrati Triq l-ifran  ‘l isfel u Qrati Superjuri fil-Berġa tal-Italja fejn illum hemm it-Turiżmu,  u aktar kif kienu jafuh in-nies bħala l-Posta.

Meta morna fil-bini fejn hu llum,  suppost li kellu spazju biżżejjed. Maż-żmien żdiedu l-awli fil-bini tal-Qorti u  allura fejn isir ix-xogħol kien hemm aktar. Dan l-aħħar żdiedu aktar.  Forsi kieku nbena llum dak il-bini kien ikun imfassal b’mod li aktar toħroġ sulari fl-istess spazju.  Għax dak l-għoli kollu għalxiex?  Imma dak hemm, u jekk għandu jsir tibdil irid idur ma’ problema bħal din.

Imma hemm bżonn ?

Li ma nbidilx,  jew saret bidla għall-agħar, hu  li kull ġudikant jippretendi li jkollu l-awla tieghu!  Issa kieku l-Imħallfin u l-Maġistrati jaħdmu ħamest ijiem fil-ġimgħa fl-istess post,  ngħid bir-raġun.  Dan jiġri biss fl-awla tal-ġurijiet meta jkun hemm ġuri. L-imħallfin u l-Maġistrati, b’ċerti eċċezzjonijiet jaħdmu tlett ijiem fil-gimgħa.

Nhar ta’ Tnejn jaħdmu ftit,  nhar ta’ Ġimgħa anqas,  umbagħad kulħadd iross fuq it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis. Jekk tridu tkunu tafu morru quddiem il-qorti t-Tlieta u taraw serbut nies li jasal  sas-Savoy !!!  Umbagħad ejja bħal-lum,  u fil-kurriduri tal-Qorti,  fuq u isfel tista’ tiġri bl-iskates.  Dan rajtu llum stess b’għajnejja.  Illum ħadmu (u mhux xi  folol) 14-il ġudikant, u awli hemm 27!   Tnax kienu battala.

Nhar it-Tnejn,  se jaħdmu 21 u jibqa’ għalhekk 6 vojta.

It-Tlieta se jaħdmu 22 u goffi,  u xorta jibqa’ 5 awli vojta.

Issa li Mħallef jew Maġistrat jippretendi li jagħlaq l-awla biċ-ċavetta għax tiegħu hija kompletament żbaljata. Fl-ebda pajjiż fid-dinja ma hemm dan il-pussess fuq l-awla.  Jien dort ftit qrati mhux ħażin fid-dinja.  Ikun hemm management fuq l-użu tal-ispazju u għal kemm ħin.

Meta fi Florida, USA,  kienet qed issir il-famuża kawża ta’ Al Gore kontra Bush għax kienu qed jagħmlu recount tal-voti,  l-Imhallef kien qalilhom li l-użu tal-awla kien limitat bil-ħin għax ħaddiehor kien diġa’ bbukkjat ħalli jużaha l-għada.

Tajt daqqa t’għajn lejn ir-Royal Courts of Justice, li qegħdin l-Istrand, Londra.  Malajr issib li l-Awla għandhom in-numru, u jgħidu min se jaħdem fihom. Wara kollox l-awla mhux bħal bank tal-għodda. Jekk tkun mastrudaxxa mod,  jew tkun ħaddied mod ieħor, u jekk tkun skarpar l-għodda hija differenti.

Wieħed mill-Imħallfin li jaħdem ħafna, issibu jdur minn awla għall-oħra,  ġurnata banda u ġurnata oħra.

Forsi aħjar isir investiment kif ikun hemm management aħjar tax-xogħol.  Jaqbel lil kulħadd. Ġieli ċ-ċelel isfel ikun fgati bil-priġuneiri u ġranet prattikament xejn. Saħansitra l-gwardjani mal-bieb u s-security.  Morru staqsuhom fuq nhar ta’ Tlieta, u fuq nhar ta’ Ġimgħa!!!!

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend