Tifel ta’ sitt snin indarab gravi f’inċident tat-traffiku li seħħ tard il-Ħadd filgħaxija fiċ-Ċirkewwa.
L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li tifel Ġermaniż ta’ 6 snin safa’ milqut minn vettura tat-tip Mercedes Benz li dak il-ħin kienet qegħda tiġi misjuqa minn ġuvni ta’ 27 sena residenti l-Mosta.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. A. Bugeja LL.D, fejn ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-Inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.