Miżuri għal rappreżentanza ikbar tan-nisa | One News

Notifiki

Miżuri għal rappreżentanza ikbar tan-nisa

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar l-impenn tiegħu biex il-gvern iwettaq il-mandat elettorali li jintroduċi miżuri pożittivi biex iktar nisa jkunu eletti fil-parlament.

Meta kien qed jindirizza l-parteċipanti tal-LEAD fl-ewwel sessjoni tal-programm il-Prim Ministru qal: “Se tkunu fost l-ewwel nisa li tgawdu minn miżuri pożittivi permezz tal-kwoti. Se tlaqtu kritika imma l-performance tagħkom u tagħna issa se tkun ferm iktar kruċjali.”

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif irridu nirrikonoxxu li hemm sezzjoni fis-soċjetà li ma taqbilx ma’ dawn il-bidliet.

“Irridu nikkonvinċu għaliex din hi l-aħjar triq ‘il quddiem. Il-programm jismu LEAD u intom se tkunu pijunieri fl-immedjat,” qal lill-parteċipanti tal-programm Joseph Muscat li għalihom kellu diskors ta’ kuraġġ.

Joseph Muscat kien ċar ukoll dwar l-għan aħħari. “Irridu naslu f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjonijiet ikunu maqsuma bejn is-soċjetà kollha,” tenna Joseph Muscat li tkellem dwar kif il-miżuri pożittivi għandhom ikunu temporanji sakemm is-soċjetà tibda taqsam dawn ir-responsabbiltajiet b’mod awtomatiku.

Joseph Muscat fisser kif l-idea prinċipali ta’ LEAD kien li wieħed jiftaħ il-bibien biex persuni li sa issa żammew pass lura jkollhom opportunità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend