Il-Malta LGTBIQ Rights Movement laqa’ l-miżuri l-ħabbar il-Gvern li jagħtu 100 siegħa ta’ leave lil kwalunkwe koppja f’relazzjoni stabbli li jaċċessaw trattament tal-IVF kemm f’Malta kif ukoll barra mill-pajjiż.
Fl-istess waqt sostna l-mozzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista mhix meħtieġa kemm-il darba hija bbażata fuq premessa falza u hija diskriminatorja fl-intenzjoni tagħha.
Fi stqarrija, il-Moviment laqa’ wkoll il-fatt li d-definizzjoni ta’ ġenitur prospettiv tieħu konjizzjoni tad-diversi forom ta’ rikonoxximent legali li ġew introdotti matul is-snin li għaddew biex tinkludi l-ugwaljanza fiż-żwieġ, l-unjoni ċivili u l-koabitazzjoni.
L-MGRM ħeġġeġ lill-gvern biex jieħu l-passi meħtieġa biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijoni biex iġibuh konformi mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru.
L-MGRM qal li dawn ir-reviżjonijiet jinkludu d-dekriminalizzazzjoni tad-donazzjoni tal-gameti li tipprevjeni lil xi koppji kif ukoll individwi milli jaċċessaw il-kura tal-IVF u l-possibbiltà ta’ krijopreservazzjoni ovoċitika u ta’ l-isperma (iffriżar tal-bajd u l-isperma) li hija importanti f’firxa wiesgħa ta’ ċirkostanzi inkluż persuni trans u intersess li għaddejjin minn kirurġiji ta’ affermazzjoni tal-ġeneru, pazjenti tal- kanċer u dawk li għal xi raġuni għażlu li jkollhom l’ulied aktar tard fil-ħajja.