Il-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija għal Ramazan Hysa, raġel ta’ 24 sena mill-Albanija li l-Ħamis li għadda kien involut f’hold up minn ħanut tal-ġojjellerija fil-pjazza ta’ Tigne f’Tas-Sliema. Hu mifhum li fis-serqa nsterqu b’eluf kbar ta’ ewro f’ġojjelerrija.
Fi stqarrija, il-Pulizija ppubblikat ir-ritratt tas-suspettat, ismu u n-nazzjonalita tiegħu u qalet li qiegħda tfittxu b’rabta mas-serqa tal-Ħamis li għadda.
Nifhmu li l-pulizija rnexxielha tiddentifika r-raġel suspettat wara investigazzjonijiet bir-reqqa u wara analazi ta’ filmati elevati minn kameras tas-sigurtà.
Sorsi qrib dan l-istazzjon qalu li l-pulizija rnexxielha tagħraf li f’din is-serqa kien hemm idejn barranin, anki jekk il-ħallelin huma u jwettqu s-serqa kienu lebsin parrokka u nuċċalijiet tax-xemx.
Il-Pulizija appellat biex kull mingħandu xi informazzjoni dwar din il-persuna, jagħmel kuntatt mal-Pulizija, anke` b’mod anonimu, permezz tan-numri 119 / 21224001 jew l-Għassa ta’ Tas-Sliema fuq 2294 3351.