Waqt li l-Partit Nazzjonalista ddikjara li l-Kumitat Eżekuttiv ivvota b’mod unanimu biex il-Kap tal-Partit Adrian Delia jieħu s-siġġu fil-Parlament, One News jista’ jiżvela li tliet uffiċjali għolja kienu favur vot sigriet. Fil-fatt il-membri tal-eżekuttiv spiċċaw jivvotaw għal Delia billi jgħollu jdejhom.
Waqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ jiddikjara li l-Eżekuttiv tal-partit vvota b’mod unanimu biex is-siġġu ta’ Peter Micallef imur direttament għand il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, jirriżulta li dan seħħ wara li rrifjutaw li l-vot jittieħed b’mod sigriet kif stabbilit fil-proċeduri tal-partit.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ One News li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u ż-żewġ deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Karol Aquilina kienu favur vot sigriet. Żewġ deputati li tul il-kampanja għall-ħatra ta’ kap tal-Partit ħaduha qatta’ bla ħabel kontra Adrian Delia.
L-approvazzjoni ta’ Delia mill-membri tal-kumitat eżekuttiv wasslet wara li l-ex Kummissarju Ewropew Tonio Borg talab li l-vot dwar il-co-option ta’ Delia jiġi approvat billi l-membri tal-eżekuttiv jgħollu jdejhom minflok permezz ta’ vot sigriet.
Dan minħabba l-biża’ ta’ voti kontra n-nomina ta’ Delia li kienet tkompli toħroġ fid-deher il-qasma bejn iż-żewġ fazzjonijiet fil-partit nazzjonalista.
Fil-fatt dik li kellha tkun laqgħa normali tal-eżekuttiv, spiċċat ħadet madwar sagħtejn u li fi tmieha bosta deputati nazzjonalisti u membri fl-eżekuttiv irrifjutaw jwieġbu b’mod dirett jekk il-vot għal Delia kienx wieħed unanimu jew le.
Intant wara r-riżenja tal-membri kollha tal-kummissjoni elettorali tal-partit Nazzjonalista b’rabta mal-iskandlu tal-prokuri mill-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ kap, il-Partit Nazzjonalista ħatar kummissjoni oħra b’membri li tul il-kampanja appoġġjaw b’mod sħiħ u fil-miftuħ lil Adrian Delia fosthom il-kandidata Graziella Attard Previ.