Il-kuluri roża u iswed, se jikkaratterizzaw il-ballu li se jkun qed jiġi organizzat għall-ewwel darba din is-sena fl-għeluq tal-kampanja Pink October.
Ta’ kull sena l-banda tal-forzi armati thejji kunċert mużikali bil-għan li jinġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni Marigold. Però din is-sena, l-banda se tkun qed tanima ukoll is-serata taċ-ċena u l-ballu.
Is-Surmast tal-banda Jonathan Borg ħejja programm varjat fejn bla ebda dubju s-sorpriżi ma jonqsux.
Is-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold spjegat li filwaqt li jqajjem iktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider l-għan prinċipali huwa li permezz tal-ballu u l-kunċert ikomplu jinġabru l-fondi tant bżonnjużi għall-kura.
Il-serata se tiġi organizzata fit-tmienja u għoxrin t’Ottubru, propju l-aħħar sibt tal-Kampanja Pink October.