Żewġ nisa Bulgari waħda ta’ 23 sena u oħra ta’ 36 sena għada se jitressqu l-qorti mixlija b’serq wara li nqabdu jisirqu kartiera minn basket ta’ mara li kienet qed tistenna fuq bus stop f’Tas-Sliema.
In-nisa ġew arrestati għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu bis-saħħa ta’ intervent f’waqtu mill-pulizija. Dan wara li pulizija osservat lil waħda min-nisa għassa waqt li l-oħra dehret tisraq il-kartiera. Hawnhekk, il-pulizija intervjeniet minnufih u arrestat liż-żewġ nisa għal aktar investigazzjonijiet.
Il-Pulizija qalet li n-nisa ġew arrestati wara li fl-aħħar jiem waslulha rapporti ta’ pick-pocketing f’għadd ta’ postijiet madwar Tas-Sliema u San Ġiljan. Dan b’mod partikolari minn fuq il-karozzi tal-linja u minn bus stops iffrekwentati minn għadd ta’ turisti u Maltin.