Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Awwissu li għadda waslu fil-gżejjer Maltin aktar minn mitejn u tmienja u tmenin elf turist.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra, pajjiżna rreġistra żieda ta’ 12.2%.
Iż-żieda fin-nefqa tat-turisti wkoll żdiedet u telgħet għal kważi tlett mitt miljun ewro.
Meta mqabbla ma’ Awwissu tas-sena l-oħra, l-istatistika wriet ukoll li n-nefqa żdiedet b’aktar minn għaxra fil-mija.
Anki l-iljieli li qattgħu t-turisti żdiedu.
Meta nħarsu lejn Awwissu elfejn u sittax, Awwissu li għadda ra żieda ta’ tmienja punt ħamsa fl-iljieli li qattgħu t-turisti.
Il-maġġoranza tat-turisti qagħdu f’lukandi u kienu ġejjin minn stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt aktar minn wieħed u tmenin fil-mija tas-suq turistiku ġie mill-Unjoni Ewropea.
F’dan il-kuntest l-ammont ta’ turisti ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdied bi 11.5 fil-mija.
Il-biċċa l-kbira tat-turisti kellhom l-eta’ tvarja bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħin sena, bit-tieni l-akbar ammont għandu erbgħa u għoxrin sena jew anqas.
Fl-ewwel tmien xhur tas-sena, ġew Malta aktar minn miljun u ħames mitt elf turi. Mill-istimi miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika dawn nefqu f’Malta elf u tlett mitt miljun ewro, tlettax fil-mija aktar mill-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Ras għal ras nefqu f’Malta €857 ewro.