Id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo tenna li n-nomina tiegħu għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit qiegħda hemmhekk u kkonfermata.
F’kitba fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, id-deputat Nazzjonalista qal li kien qed jilqa’ b’ferħ kbir in-nomina ta’ Edwin Vassallo għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament u għamilha ċara li din hija kariga differenti minn dik li se jkun qed jikkontesta għaliha.
Arrigo qal li ħadd m’għandu jiġi eskluż, imwaqqaf jew konvint biex ma jippreżentax lilu nnifsu ’l quddiem. Dan b’reazzjoni għat-talba li saritlu mill-Kap tal-Partit Adrian Delia biex ma jikkontestax għall-kariga biex Clyde Puli ma jkollux inkwiet jirbaħ il-kariga.
“In-nomina tiegħi għal Viċi Kap tal-Partit qiegħda hemm u kkonfermata. Qed niddikjara li jien mhu se naċċetta ebda ħlas għax-xogħol tiegħi fil-Partit Nazzjonalista,” qal Arrigo f’botta ċara lejn l-istess Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ddikjara li se jieħu paga oħra mill-Partit Nazzjonalista minbarra dik ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Żied jgħid li hu jagħti lill-partit irid u mhux jieħu.
“Il-flus għandhom imorru għall-impjegati tal-partit”, qal Arrigo waqt li fetħilha wkoll kontra dawk fil-partit li qal qed jilagħbu noli u dawk li ma jħallux in-nies bi kwiethom.
F’botta oħra ċara, din id-darba għal Clyde Puli u David Agius, qal li hemm ħafna wċuh li jridu jidhru wara l-kap għal dik li sejjaħ bħala photo session. Waqt li ftaħar bis-suċċessi li qal li kellu f’ħajtu, sostna li għal kuntrarju ta’ oħrajn, hu wasal fejn wasal bis-saħħa tiegħu u s-suċċess li għamel qatt ma kien jiddependi fuq ħaddieħor.