F’laqgħa li saret tard il-Ġimgħa filgħaxija, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista kkonkluda li ma jara l-ebda ħtieġa li jsiru aktar investigazzjonijiet dwar l-iskandlu tal-ġbir tal-voti fl-elezzjoni għall-ħatra tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista pemezz ta’ prokuri foloz mill-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono. Dan fl-istess waqt li ħass il-ħtieġa li jwiddbu għall-aġir li mexa bih.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kumitat Amministrattiv iddiskuta l-aġir ta’ Debono u approva u għamel tiegħu l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Elettorali u kkonkluda li ma jara l-ebda ħtieġa li jsiru aktar investigazzjonijiet. Dan hekk kif talab li jsir id-deputat Nazzjonalista Chris Said li hekk kif ħareġ l-iskandlu Debono, qal li kien jinsab ixxokkjat b’dak żvelat fil-midja.
Ir-rapport intern tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN żvelat mill-Maltatoday kixef li Jean Pierre Debono ffalsifika firem tat-tesserati fi prokuri foloz. Dan sar sabiex ikun jista’ jiġbor id-dokumenti tal-vot tagħhom hu.
Debono li taħt pressjoni ċeda s-siġġu tiegħu lil Adrian Delia, nqabad meta tesserat mar id-Dar Ċentrali biex jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu u skopra li Debono kien preżenta prokura ffirmata biex ikun jista’ jiġbor il-vot f’ismu. Meta ra l-prokura, it-tesserat sostna li dik ma kinitx il-firma tiegħu.
Wara investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni Elettorali nstab li Debono kien preżenta għadd ta’ prokuri oħra f’ismu.
Waħda mill-konklużjonijiet tar-rapport iddeplorat l-azzjonijiet ta’ Debono hekk kif fl-ebda mument ma tkellem mal-Kummissjoni Elettorali u li kieku ma nqalax dan l-inċident, din il-ħadma minn uffiċjal għoli tal-partit kienet se tinżamm mistura.
Il-Kummissjoni Elettorali kkundannat lil Debono talli fi kliemha uża prattiċi li jmorru kontra proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni u talli ffalsifika firem sabiex jinġabru dokumenti tal-vot bi prattiċi elettorali illeċiti.
Intant il-Kunsill Amministrattiv aċċetta wkoll dikjarazzjoni ta’ Jean Pierre Debono li permezz tagħha ngħad li talab skuża, refa’ r-responsabbilità għal dak li seħħ u obbliga ruħu li bl-ebda mod ma jkun involut fil-proċessi elettorali li għandhom isiru sal-aħħar tas-sena.
Waqt li ddikjara li ma jara ebda ħtieġa ta’ aktar investigazzjoni, il-Kumitat Amministrattiv iddeċieda li jwiddeb lil Jean Pierre Debono għall-aġir tiegħu għax qal li l-Partit Nazzjonalista ma jittollera l-ebda abbużi fi proċessi elettorali.