It-Tnejn li ġej se tibda sena skolastika ġdida b’total ta’ 56,357 student fi skejjel tal-istat, indipendenti u tal-Knisja madwar Malta u Għawdex.
In-numru ta’ studenti li se jattendu il-kindergarten huwa ta’ 9,382; dak tal-primarja 26,173; u dak ta’ skejjel medji u sekondarji 20,802.
Fl-istess waqt in-numru ta’ edukaturi li se jkunu qed jagħtu kontribut fil-qasam akkademiku madwar l-iskejjel kollha huwa ta’ 8,950, li 5,085 minnhom huma għalliema, 3,173 learning support assistants (LSA), u 692 kindergarten assistants. Ta’ min jinnota li għal matul din is-sena skolastika ġdida ser ikun hemm żieda ta’ 600 għalliema u 200 LSAs.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħadem fuq bosta miżuri biex inkomplu ntejbu l-livell edukattiv, kemm fuq livell akkademiku kif ukoll dakk infrastrutturali.
In-numru ta’ studenti ġodda fir-raba’ sena li se jgawdu mill-inizjattiva one tablet per child matul is-sena skolastika 2017-2018huwa ta’ 4,432. Ma’ dawn hemm 4,387 tablet li tqassmu s-sena l-oħra u li allura għas-sena skolastika 2017/2018 se jkunu fil-ħames sena. Matul is-sajf li għadda ġew imħarrġa 511-il għalliem u LSA oħra li se jkunu qed jgħallmu fil-ħames sena. Din is-sena se jkollna tliet apps ġodda dwar coding, informazzjoni permezz ta’ videos f’suġġetti varji, u Author Premier.
Qed inkomplu nibnu skejjel ġodda mgħammrin bl-aqwa infrastruttura u teknoloġija għall-immodernizzar tal-iskejjel tagħna. Mis-sena skolastika ġdida ta’ din is-sena, l-iskola Visual and Performing Arts se tiftaħ il-bibien tagħha b’kunċett innovattiv fejn studenti se jispeċjalizzaw f’erba’ forom ta’ arti li huma d-drama, mużika, żfin, u media, u li għalihom ġew armati studiosspeċjalizzati attrezzatti.
Dan l-iżvilupp huwa fost il-linji ta’ politika tal-Ministeru li ma jibqax fuq ‘il-one size fits all’, iżda minflok joffri forom differenti ta’ edukazzjoni. Matul din is-sena skolastika ser inkunu qed nintroduċu workshops ġodda fl-iskejjel sekondarji kollha tal-istat li fihom se jiġu mgħallma suġġetti vokazzjonali u applikati ġodda.
Ftit tal-jiem ilu tħabbar ukoll li l–Iskola Primarja tal-Imsida se tinbidel għal waħda moderna u li din se tkun estiża b’faċilitajiet edukattivi ġodda. Matul il-perjodu tas-sajf sar manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel kollha tal-istat li ammonta għal nofs miljun ewro.
Barra din l-iskola, għadu kif tħabbar ukoll li saru emendi u beda x-xogħol fuq skola primarja ġdida f’Wied il-Għajn li se tiftaħ fl-2018, u skola ġdida oħra fil-Qawra li se tilqa’ lit-tfal fl-2019. Magħhom ser inħabbru l-pjanijiet ġodda tal-iskola primarja l-ġdida tar-Rabat, Għawdex, li se tkun qed tinkludi faċilitajiet ġodda wkoll.
Apparti dan ser inkunu qed inżidu l-istaff amministrattiv fi ħdan il-kulleġġi sabiex inkomplu nassorbu ċentralment xogħol amministrattiv biex l-għalliema jkollhom aktar ħin biex jiffukaw fuq it-tagħlim. Dan hu pass ieħor ’il quddiem biex il-prinċipali tal-kulleġġi u l-kapijiet u l-assistenti tal-iskejjel ikunu jistgħu jiffokaw aktar fuq l-esperjenza kurrikulari u l-appoġġ għall-għalliema.