Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg ħabbar proġett ta’ madwar għoxrin miljun ewro għall-bini ta’ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Borg qal li wara 100 jum ta’ ħidma, il-Gvern qed iħares bil-ħerqa ‘l quddiem għal aktar xogħol siewi sabiex pajjiżna jkollu l-infrastruttura li jixraqlu, favur inqas konġestjoni u aktar effiċjenza fit-toroq tagħna.
Dr Borg qal li l-proġett il-ġdid f’Santa Luċija se jikkumplimenta l-junction tal-Marsa Addolorata, b’investiment ta’ ‘l fuq minn €20 miljun u li għalihom ser issir talba għal Fondi tal-Unjoni Ewropea. Qal li permezz ta’ dan ix-xogħol se titnaqqas il-konġestjoni kif ukoll it-tniġġis fl-arja, f’żona essenzjali għaliex tara eluf ta’ vetturi fis-siegħa kull ġurnata.