Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li jinsab ixxokkjat bil-ħadma li għamel id-deputat Nazzjonalista Jean Pierre Debono meta uża prokuri b’firem foloz biex seta’ jiġbor dokumenti tal-voti ta’ tesserati għall-elezzjoni għall-ħatra ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista li wasslet għall-ħatra ta’ Adrian Delia fit-tmun tal-partit.
Debono li ħadem qatiegħ għal Delia ġie kkundannat bl-aħrax mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Joe Borg li ddeskriviha l-manuvri li saru bħala “ħadma minn uffiċjali għoli tal-partit”.
F’rapport f’The Times jingħad d-deputat Nazzjonalista jista’ jiffaċċja azzjoni dixxiplinarja wara li ġie kkritikat bl-aħrax għall-mod kif mexxa s-sistema ta’ ġbir ta’ voti matul l-elezzjoni.
Dan ikkonfermah il-kap tal-oppożizzjoni Simon Busuttil u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Rosette Thake. Busuttil qal li l-kwistjoni inkluż l-imġiba ta’ Debono se jkunu fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-kunsill amministrattiv li jmiss.
B’reazzjoni għal dak żvelat, id-deputat Nazzjonalista Jean Pierre Debono ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina. Qal li l-għan tiegħu kien li jqassam kemm jista’ dokumenti tal-voti lil anzjani, irrispettivament min kien il-kandidat favorit tagħhom.
Waqt li kkundanna lil dawk li setgħu ffirmaw falz, huwa qal li jinsab mistgħaġeb dwar min seta’ kien il-persuna fil-partit li żvela r-rapport tal-kummissjoni elettorali mal-maltatoday waqt li sostna li dan kien attentat biex jagħmel ħsara lil Adrian Delia fl-ewwel jiem tiegħu fit-tmexxija tal-partit.
Meta kkuntattjati, Busuttil u Thake innotaw li r-rapport ġie għall-attenzjoni tagħhom lejlet l-elezzjoni għall-ħatra tal-kap u t-tnejn qablu li l-elezzjoni ma kellhiex tiġi sospiża.
Huma kkonfermaw li l-każ issa tressaq quddiem il-kunsill amministrattiv tal-partit biex tittieħed azzjoni dixxiplinarja kontra Debono.
B’reazzjoni għal dak żvelat, id-deputat nazzjonalista Għawdxi Chris Said qal li kien ixxokkjat b’dawn l-iżviluppi. Huwa qal li sar jaf bil-ħadma ta’ Debono minn rapport fil-midja. Qal li kien għalhekk li talb lill-partit biex jidħol aktar f’din il-kwistjoni.