Fasten Your Seatbelts | One News

Notifiki

Fasten Your Seatbelts

Meta qed nikteb se jkunu għaddew ħamest ijiem u nagħti daqqa t’għajn ħalli nara min hu dak li tela’ minn by-election mis-siġġijiet doppji tal-Partit Nazzjonalista u qed jirreżenja ħalli postu jieħdu Adrian Delia.

Fl-entużjazmu stennejt li l-għada li joħroġ ir-riżultat tal-votazzjoni se jkun hemm it-tħabbira tas-sagrifiċċju supreme għas-salvatur il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Niftakar meta Karmenu Mifsud Bonnici daħal fil-Parlament u kif kien sar kollox verament mingħajr sulluzzu.   L-istess meta Joseph Muscat li kien membru parlamentari fl-Ewropa kien se jħalli s-siġġu tiegħu fi Brussels u jieħu siġġu fil-Parlament Malti.

Meta fetah il-Parlament Joseph Muscat kellu kollox lest fl-1 ta’ Ottubru wara l-vaganzi.  U kulhadd kien jaf li Joseph Cuschieri kien se jċedi s-siġġu tiegħu fuq San Ġiljan biex jidħol Joseph.   Anzi Joseph Muscat bħas-soltu kellu għaqal kbir.  Qabel waħħal f’rasu li jitfa’ n-nomina tiegħu kien diġa tkellem ma’ Joseph Cuschieri li offrielu s-siġġu mingħajr ebda kundizzjonijiet u barumbati minn wara l-kwinti.

S’issa ssemmew tnejn li kienu se jagħtu s-siġġu.  Imma jidher li  xejn ma ġara.   Fl-elezzjoni tal-papiet jgħidu “daħna sewda”.   U fl-20 ta’ Settembru fuq il-fosos daħna sewda kien hemm.

L-ebda membru tal-parlament daħal kif daħal ma jista’ xi ħadd jgħidlu rriżenja.  U għalhekk l-uniku mod ċert biex jista’ jieħu siġġu huwa li jċedi xi ħadd li tela’ minn by-election.  Għax imbagħad ma terġax issir by-election oħra,  imma issir “co-option”  jiġifieri l-partit li jkun tilef dak il-membru jagħzel wieħed hu u mhux neċessarjament minn fuq l-istess distrett.

Wieħed ikollu jgħid li forsi jitwebbel Godfrey Farrugia,  imma jidher li m’għandux wisq aptit,  għalkemm il-voti li bihom tela’ huma ta’ nazzjonalist per eċċellenza (naturalment eċċellenza għax it-tifel tal-ex Eċċellenza Tiegħu).   Imma Marlene diġa’ tat il-verdett tagħha fuqu !  Qalet li hu l-bekkamort tal-partit nazzjonalista ghax se jwasslu għad-difna. U mhux se tagħtih is-siġġu tar-raġel.

Jidher li l-membri kollha qed iżommu sod mas-siġġijiet.  “Fasten your seat belts”  harġet l-ordni.  Fuq facebook page tiegħi  ktibt li forsi għax qed jaħsbu li qed itiru u  tilgħin ‘l fuq,  imma aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed naħseb li qed jistennew it-turbulenzi u l-air pockets.

Tista’ tiġi s-sitwazzjoni kostituzzjonali li l-Kap tal-Opposizzjoni jkun membru li hemm fil-parlament u mhux il-kap tal-partit.  Jekk Adrian Delia jibqa’ bla siġġu,  il-President irid jaħtar kap tal-Oppożizzjoni.

Naraw nispiċċawx b’Simon Busuttil bħala kap tal-oppożizzjoni.

Nieqaf hawn imma ma ndumx ma nerġa’ nikteb fuq il-gideb,  u l-qawl Malti li l-giddieb għomru qasir……

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend