Malta se tħeġġeġ għal iktar riżorsi biex il-marda tal-'polio' tkun eliminata darba għal dejjem | One News

Notifiki

Malta se tħeġġeġ għal iktar riżorsi biex il-marda tal-‘polio’ tkun eliminata darba għal dejjem

 

Fix-xhur li fadlilha tmexxi l-Commonwealth Malta se tkompli tikkonvinċi aktar mexxejja biex jikkommettu aktar riżorsi għall-eliminazzjoni tal-polio, qal il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt Global Citizen Live! fi New York, avveniment li ġab flimkien mexxejja politiċi, attivisti ewlenin u artisti ta’ fama internazzjonali f’messaġġ komuni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru fisser li meta sentejn ilu kien qed jipprepara biex jieħu r-responsabbiltà tat-tmexxija tal-Commonwealth, ftit li xejn kien jaf dwar il-polio, li hi marbuta mal-faqar estrem u tolqot l-aktar lit-tfal. “Kont nassoċjaha iktar ma’ marda tal-passat u ma stajtx nifhem kif id-dinja teknoloġika tal-lum għadha ma rnexxilhiex teqridha”, qal Dr Muscat.

Spjega li beda jirċievi mijiet u eventwalment eluf ta’ messaġġi elettroniċi dwar il-bżonn tal-aħħar ġlieda qawwija kontra l-polio. Fuq quddiem nett tal-promoturi ta’ din il-kuxjenza kien hemm l-organizzazzjoni mhux governattiva Global Citizen.

“Laqatni l-fatt li bi ftit impenn internazzjonali stajna verament naslu għall-possibilità ta’ eliminazzjoni ta’ din il-marda, li tkun it-tieni darba biss fl-istorja li tkun tinqered marda”, qal il-Prim Ministru.

Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li pajjiżi tal-Commonwealth bħall-Awstralja, il-Kanada, in-Niġerja, il-Pakistan, ir-Renju Unit u Malta stess, ikkommettew aktar riżorsi biex jiġu indirizzati l-1% tal-każijiet li fadal.

“Issa għandna d-dmir li ntemmu x-xogħol li nbeda grazzi għall-attiviżmu ħaj fuq il-mezzi soċjali”, ikkonkluda Dr Muscat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend