Żanżan Kelma: spelli l-kliem bil-Malti | One News

Notifiki

Żanżan Kelma: spelli l-kliem bil-Malti

Nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Settembru, l-Għaqda tal-Malti – Università ser tkun qed torganizza l-ewwel Spelling Bee bil-Malti fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, bejn is- 18:00 u t-20:00. Din l-attività ser tkun qed tieħu forma ta’ kompetizzjoni għal tfal bejn it-8 snin u t-13-il sena u ser tkun maqsuma f’żewġ sessjonijiet; l-ewwel waħda għal dawk bejn it-8 u l-10 snin u t-tieni waħda miftuħa għal dawk bejn il-11 u t-13-il sena.

Kull min qiegħed japplika biex jieħu sehem f’din l-attività, qed jingħata lista ta’ 100 kelma li minnhom, dakinhar ser jiġu mistoqsija 50, biex it-tfal jilħqu jsiru familjari mal-kliem. It-tfal f’kull sessjoni ser ikunu qegħdin fuq palk u l-ewwel persuna ser tkun qed tingħata kelma biex tispelliha. Jekk il-kelma tkun tajba, tingħata punt, jekk le, il- kelma tgħaddi għall-persuna ta’ warajha. Dawk li jiġu mal-ewwel tlieta minn kull sessjoni, ser ikunu qed jingħataw sett ta’ kotba, ġentilment sponsorjati lilna mill- Merlin Publishers u barra minn hekk, dawk kollha li ser jipparteċipaw f’din l-attività ser ikunu qed jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.

Sabiex ikunu ċerti li l-kliem ikun qed jiġi spellut tajjeb, s-Sa Dorothy Bezzina, hija wkoll għalliema tal-Malti, se tkun parti mill-ġurija speċjali. Magħha ser ikun hemm ukoll 2 ġurija oħra li qegħdin jistudjaw il-Malti f’livell Universitarju.

L-Għaqda tal-Malti ħeġġet lill-pubbliku biex ikompli japplika għal din l-attività u b’hekk, jippromwovu l-Malti b’mod innovattiv.

Din l-attività hija waħda anċillari u ser tkun segwita mill-Jum Ewropew tal-Lingwi, nhar it-23 ta’ Settembru fi Pjazza Sant’ Anna, Tas-Sliema, bejn is-19:00 u d-21:00.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend