Ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest wara li allegatament jinqabad ibiegħ id-droga | One News

Ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest wara li allegatament jinqabad ibiegħ id-droga

 Abdi Ali Jama, Somalu ta’ disgħa u għoxrin sena, residenti fiċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrar Natasha Galea Sciberras, akkużat li kien fil-pussess ta’ sitt grammi ta’ kannabis f’ċirkustanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu, u li prova jbiegħ droga qrib post fejn jiltaqgħu iż-żgħażagħ.

Huwa kien ukoll akkużat li ma nformax lill-Pulizija li kien sab oġġett mitluf, anke jekk fil-proċeduri ma ħarġux dettalji dwar dan.
L-Uffiċjali apparentament raw lill-akkużat jiprova jbiegħ xi ħaġa lil persuna oħra. Meta l-uffiċjali avviċinawh rema’ dak li wara rriżulta kienet reżina tal-kannabis.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab il-ħelsien mill-arrest.  Il-prosekuzzjoni oġġezjonat minħabba li x-xhud jgħadu jrid jinstema u peress li l-akkużat ma kienx qed jirrisjedi fl-nidirizz ta’ Birżebbuġa, kif speċifikat fuq il-karta tal-identita’, iżda fiċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far. Il-Prosekuzzjoni ġibdet l-attenzjoni li l-akkużi kienu jinvolvu ukoll traffikar ta’ droga.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u li l-akkużat ma joffrix il-garanziji li tirrikjedi l-liġi.
Ta’ QabelLi Jmiss