Jumejn qabel it-tesserati jagħżlu kap ġdid il-Partit Nazzjonalista sejjaħ laqgħat tal-Kumitat Amministrattiv u l-Kumitat Eżekuttiv. Il-laqgħat se jsiru wara xulxin. L-ewwel waħda li titmexxa’ mill-avukat Karol Aquilina se tibda fil-ħamsa u siegħa u nofs wara tibda tal-eżekuttiv immexxija minn Ann Fenech.
ONE.COM.MT ikkonferma li s-sejħa għal-laqgħa lill-membri ta’ dawn il-kumitati kienet ikkonfermata fl-aħħar ħinijiet u l-fatt li din il-laqgħa se ssir ftit qabel dibattitu bejn il-kontestanti tal-Kap u inqas minn 48 siegħa minn jum l-elezzjoni qed iqanqal tensjoni ġdida. Qed tinżamm kemm jista’ jkun xotta l-informazzjoni dwar x’se jkun diskuss eżattament.
Però żgur se jkun hemm diskussjoni dwar x’qed jiġri wara l-ħatra ta’ Kap ġdid, anke fid-dawl li Simon Busuttil ikun għadu Kap tal-Oppożizzjoni. Mistennija wkoll diskussjoni dwar il-festi tal-Indipendenza. Minkejja dan mhux qed ikun eskluż li jitqajjmu kwistjonijiet ġodda b’rabta mal-kontestazzjoni għall-Kap li għaddejja bħalissa.