Tesserati għal għomorhom fil-Partit Nazzjonalista mhux se jkunu jistgħu jivvotaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ kap tal-istess partit wara li għal xi raġuni misterjuża tqaċċtu mir-reġistru tal-votanti.
Artiklu fil-faċċata ta’ The Malta Independnet żvela li l-kumitat eżekuttiv tal-Paritt Nazzjonalista ddeċieda li jqaċċat numru ta’ tesserati li ħallsu s-sħubija tagħhom minn fuq ir-reġistru tal-votanti bla ma għarrafhom u mingħajr ma tahom spjegazzjoni dwar din id-deċiżjoni.
L-istess sorsi żvelaw li għadd ta’ individwi oħrajn li ħallsu l-isħubija tagħhom fil-Partit Nazzjonalista għal għomorhom ilmentaw ukoll li ma setgħux jiġbru d-dokument tal-vot taghom wara li isimhom ma baqax jidher fuq ir-reġistru. L-istess sorsi qalu li minkejja li pprovaw jingħataw spjegazzjoni minn band’oħra wara li uffiċjali tal-partit naqsu milli jagħtuhom widen, skoprew li ma kinux aktar membri.
Meta magħfus dwar it-tneħħija ta’ tesserati għal għomorhom, kelliem għall-partit nazzjonalista caħad dawn l-istqarrijiet u insista li kull membru li hu tteserat għal għomru għadu fuq ir-reġistru sakemm ma neħħewx lilhom infushom.
Madankollu mal-gazzetta, tesserat għal għomru li ċċaħħad mill-voti wera s-sħubija tiegħu li turi b’mod ċar li huwa tesserat għal għomru.
Konferma ta’ dan tagħtha wkoll attivista kbira nazzjonalista minn Ħal Qormi li fetħitilha fuq il-midja soċajli dwar kif tesserati tal-Partit iċċaħħdu mill-vot.
“Se nitfa’ dan il-post fil-pubbliku għax issa żżejjed. Ma niflaħx iżjed. Tesseri li ġbart kollha minn Ħal Qormi kollha għaddejthom lid-Dar Centrali. Issa ma nafx x’ġara minnhom. Imma fuq il-kuxjenza tiegħi m’għandi xejn. Morru u ġġieldu għall-vot tagħkom sħabi Nazzjonalisti tesserati. Qaddisa minix imma żgur li miniex sejra l-infern fuq il-flus, qal l-attivista waqt li sostniet li hi nazzjonalista kbira izda mweġġa’. “
Dawn id-dikjarazzjonijiet qed isiru fl-isfond ta’ bosta stqarrija minn esponenti nazzjonalisti li lkoll sostnew li l-elezzjoni għall-kap hija waħda mbagħbsa. Fosthom Simon Mercieca li fl-2013 kien ma’ dawk li kitbu r-rapport tat-telf tal-Partit Nazzjonalista u Roderick Caruana, membru fil-kumitat sezzjonali ta’ Raħal Ġdid li kellu jagħmel appell fuq facebook wara li ċaħħduh mill-jedd tiegħu li jittova.
Intant b’reazzjoni għal dawn l-aħħar akkużi, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija biex jgħid li l-elezzjoni hija waħda ġusta, serja, trasparenti u toffri l-istess ċansijiet lil kulħadd.
Dlonk izda kienet it-tweġiba ta’ Frank Portelli, wieħed mill-erba’ li kkandida lilu nnifsu għall-kariga ta’ kap meta fuq il-profil tiegħu tella’ l-istqarrija sħiħa tal-partit Nazzjonalista u kiteb fuqha… ħa ngħidilkom cajta!