- L-ogħla temperatura ta’ Awwissu tilħaq it-38.1°C
- It-temperatura tal-baħar tvarja bejn is-26°C u t-28.7°C
- Tul ix-xahar ix-xemx toħroġ għal ftit aktar minn 334 siegħa
It-temp f’Awwissu kien aktar sħun milli mistenni, b’temperaturi medji tal-arja u tal-baħar li kienu 1.2°C u 1.5°C ogħla min-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena.
It-temperatura tal-arja ta’ Awwissu laħqet massimu ta’ 38.1°C fl-ewwel Sibt tax-xahar. Madankollu, din it-temperatura massima kienet 5.7°C aktar baxxa mill-iżjed temperatura estrema għal Awwissu, li ġiet imniżżla fir-rekords meteoroloġiċi fl-1999, u kemxejn aktar baxxa mill-ogħla temperatura ta’ Lulju li għadda.
It-temperatura niżlet għal minimu ta’ 21.1°C fil-ħmistax-il jum ta’ Awwissu, u b’hekk provdiet ftit solliev mis-sħana li kkaratterizzat ix-xahar. It-23 ta’ Awwissu kienet l-unika ġurnata tax-xahar fejn għamlet ix-xita, b’total ta’ 4mm imkejlin f’dan il-jum.
Il-baħar kien sħun tul ix-xahar, b’temperaturi li varjaw bejn is-26°C u t-28.7°C, u temperatura medja tal-wiċċ li kienet 27.3°C.
It-turisti li żaru lil Malta bit-tama li jgawdu x-xemx żgur ma kinux diżappuntati, minħabba li l-ġranet f’Awwissu gawdew minn medja ta’ 10.8 sigħat ta’ xemx. Barra minn hekk, il-kopertura tas-sħab medja għax-xahar kienet ta’ 0.8 oktas, jiġifieri 1.2 oktas aktar baxxa min-norma.
Filwaqt li l-25 ta’ Awwissu kien l-aktar jum imdawwal tax-xahar, bi 12.3 sigħat ta’ xemx osservati, it- 12 ta’ Awwissu kien l-aktar jum mudlam, li matulu x-xemx ħarġet għal 6.3 sigħat. F’din il-ġurnata, l- Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel ukoll buffura massima ta’ 33 knot li kienet ġejja mill-Majjistral.
Il-veloċità medja tar-riħ għax-xahar ta’ Awwissu kienet ta’ 6 knots, minflok is-6.5 knots mistennijin f’dan iż-żmien tas-sena.