Jinstema' l-każ tas-serqa ta' ġojjelli mill-Knisja ta' Bormla – wieħed jinżamm arrestat | One News

Notifiki

Jinstema’ l-każ tas-serqa ta’ ġojjelli mill-Knisja ta’ Bormla – wieħed jinżamm arrestat

Tressqu quddiem il-Qorti żewġ irġiel akkużati b’serqa mill-Kolleġjata ta’ Mara Immakulata f’Bormla. Is-serqa seħħet fil-lejl ta’ 22 ta’ Lulju u matula nsterqu dehbijiet u oġġetti sagri.

Fil-Qorti dehru l-imputati Marflene Cricchiola ta’ 30 sena residenti Bormla, diżokkupat, u Gianluca Sultana, ta’ 19-il sena, resident Bormla li jaħdem bħala technician.

 Huma qed jiġu akkuzati fost oħrajn li kkomettew serq ta’ diversi artifatti, oġġetti sagri w/jew oġġetti oħra liema serq huwa kwantifikat iżjed minn €2,329.27 u li għamlu ħsara li tammonta għall-iżjed minn €2,500.

Marflene Cricchiola huwa akkużat ukoll li naqas milli jħares il-kondizzjonijiet imposti fuqu mill-arrest fuq kawża preċedenti ukoll relatata ma’ serq u li huwa reċidiv.

It-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Id-difiza talbet għall-ħelsien mill-arrest u qalet li it-tnejn ikkoperaw mal-Pulizija.

Skont il-prosekuzzjoni Gianluca Sultana allegatament ssellef xi flus biex jgħaddihom lill-imputat l-ieħor. Kien hemm xi problema sabiex jitħallas u allegatament sar ftehim sabiex issir is-serqa fil-Kolleġjata ta’ Marija Mmakulata ta’ Bormla.

Cricchiola kellu involvent attiv iżda ma daħalx fil-Knisja. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq l-affidabilità tiegħu kif ukoll li jistgħu jiġu kkompromessi l-provi minħabba li hemm diversi xhieda minn Bormla stess.

Preżenti fl-awla kien hemm it-tfajliet tal-imputati , li t-tnejn jinsabu fi tqala avvanzata.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Gianluca Sultana billi fil- fehma tagħha jissodisfa il-kundizzjonijiet meħtieġa. Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000 kif ukoll imponiet kundizzjonijiet fosthom li jiffirma fl-Għassa ta’ Bormla tlett darbiet fil-ġimgħa, u li ma jersaqx lejn il-Knisja ta’ Bormla, li jidħol id-dar sad-9:00 ta’ filgħaxija u ma joħroġx qabel is-6:00 ta’ filgħodu.  Minħabba li t-tfajla tal-imputat hija tqila, il-Qorti ordnat li jekk ikun hemm xi bżonn urgenti li joħroġ mid-dar l-imputat għandhu iċempel l-Għassa u javzhom qabel ma joħroġ bir-raġuni.

 Fil-konfront ta’ Cricchiola il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tar-reati kif ukoll qieset li l-imputat ma jisodisfax il-garanziji rikjesti mill-liġi partikolarment l-inaffidabiltà.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend