Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ġie ppubblikat ir-riżultat tal-iskema ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet volontarji li se jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja għal twettiq ta’ proġetti, ta’ avvenimenti u ta’ inizjattivi f’Għawdex matul din is-sena.
L-inizjattiva ‘Ministry for Gozo Non-governmental Organisations Assistance Scheme 2017’ tnediet fit-12 ta’ Lulju ta’ din is-sena bil-għan li ttejjeb it-tessut soċjali, kulturali, ekonomiku u ekoloġiku Għawdxi kif ukoll li tippromwovi u tinkoraġġixxi kultura ta’ volontarjat u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ volontarjat f’Għawdex. L-iskema għandha tistimula l-kooperazzjoni u n-networking bejn l-organizzazzjonijiet volontarji u trawwem kooperazzjoni bejniethom u l-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ proġetti kollaborattivi, inizjattivi u attivitajiet oħrajn. L-ammont massimu ta’ għajnuna finanzjarja li jistgħu jirċievu dawn l-organizzazzjonijiet ma jaqbiżx il-€5,000.
B’kollox intlaqgħu 38 sottomissjoni minn organizzazzjonijiet volontarji li joperaw f’diversi oqsma fis-soċjetà. Il-proċess tal-għażla sar b’ħidma konġunta mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u minn din il-ħidma 16-il organizzazzjoni volontarja kienu eleġibbli li jibbenefikaw minn din l-iskema.
Il-lista sħiħa tal-organizzazzjonijiet volontarji li kkwalifikaw għal din l-inizjattiva tista’ titniżżel mill-websites tal-Ministeru għal Għawdex www.mgoz.gov.mt u tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat www.vofunding.org.mt.
Il-Ministru Justyne Caruana rringrazzjat lil kull organizzazzjoni volontarja li ssottomettiet l-applikazzjoni u saħqet dwar l-impenn tal-Ministeru biex il-qasam tal-volontarjat f’Għawdex ikun sostnut. Filwaqt li awgurat lil dawk li se jibbenefikaw minn din l-iskema fl-2017, fakkret li l-Ministeru għal Għawdex beħsiebu jniedi skema oħra li ssostni l-ħidma tas-settur tal-volontarjat f’Għawdex fl-2018.