- In-negozji żgħar u medji prijorità għall-Gvern
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia nieda żewġ skemi taħt l-iStart-up Investment Grant Scheme u l-SME Growth Grant Scheme – għajnuna finanzjarja f’forma ta’ grants diretti lill-intrapriżi biex jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom b’investiment produttiv u biex ikomplu jkabbru l-intrapriżi tagħhom.
Farrugia qal li l-Gvern Malti irid isaħħaħ in-negozji żgħar u medji għax dawn mhux biss iħaddmu eluf ta` nies, iżda huma pilastru għall-ekonomija Maltija.
Huwa żied jgħid li dawn l-ażjendi għandhom potenzjal kbir li xi drabi jintilef minħabba nuqqas ta` kapital. Hu għalhekk li din l-għajnuna f`forma ta fondi Ewropej se jgħinu u jiffacilitaw li jintlaħqu wkoll l-aspirazzjonijiet tal-imprenditur Malti.
Farrugia tenna li “din hi l-għajnuna tanġibbli li l-imprenditur Malti għandu bzonn, fid-dawl tal-isfidi u l-limitazzjonijiet li wiehed jista jkollu, u f’ekonomija globali li tfisser kompetizzjoni kbira u aggressiva.”
L-iskemi
B’allokazzjoni indikattiva ta’ €2 miljun, din hi t-tieni sejħa taħt l-iStart-up Investment Grant Scheme, u hi maħsuba biex tipprovdi għajnuna permezz ta’ għotja lill-intrapriżi ta’ daqs micro u żgħar li ilhom imwaqqfa għal inqas minn tlett snin sabiex ikopru parti mill-ispiża eleġibbli fuq l-investiment produttiv meħtieġ mill-intrapriża. Din l-iskema għandha allokazzjoni ta’ 7 miljun ewro u intrapriżi eliġibbli jistgħu jibbenefikaw minn għotja sa massimu ta’ 300,000 ewro li tkopri sa 50% tal-ispiża eliġibbli.
Is-sejħa taħt l-SME Growth Grant Scheme b’allokazzjoni indikattiva ta’ 2 miljun ewro hi immirata sabiex tipprovdi għajnuna f’għotja lill-intrapriżi micro, żgħar u medji biex ilaħħqu mad-domanda tas-suq u jkopru parti mill-ispiża eleġibbli għall-investiment produttiv, biex jimplimentaw strateġiji ta’ tkabbir relatati mal-espansjoni ta’ l-intrapriża. Din l-iskema għandha allokazzjoni ta’ 8 miljun ewro u intrapriżi eliġibbli jistgħu jibbenefikaw minn għotja sa massimu ta’ 500,000 ewro li tkopri sa 35% tal-ispiża eliġibbli għall-intrapriżi ta’ daqs micro jew żgħar jew ta’ 25% fil-każ ta’ intrapriżi ta’ daqs medju.
Dawn l-iskemi huma ffinanzjati taħt il-Programm Operattiv I Politika ta’ Koeżjoni 2014 – 2020.
Dawn is-sejħiet huma sejħiet kompettitivi u applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sa nofsinhar tal-Ġimgħa, 20 ta’ Ottubru 2017.