Il-koppja fost l-artisti | One News

Notifiki

Il-koppja fost l-artisti

Luciano Vassallo u martu Marianne għandhom passjoni kbira għall-films. Iżda, mhux biss jarawhom fuq is-sufan bħala rilassament wara xi jum jew ġimgħa twal, jieħdu sehem fihom ukoll.

Fil-films, Luciano beda żgħir. Kellu 16-il sena, kien għadu lanqas iżżewweġ. Luciano spjegalna li l-ewwel film tiegħu kien dak ta’ Tarzan meta kien għadu jitħarreġ għall-bodybuilder. “Kien għadu ż-żmien tal-black and white! X’differenza hux?!”

Luciano ħadem diversi films fosthom Maltese Fight, film qasir li anke rebaħ diversi unuri fosthom anke l-Apollo d’Oro. Jirrakkontalna kif intgħażel: “Mort biex nieħu parti. Kien hemm naqra tul minn fejn tidħol għall-palk. F’daqqa waħda tiġi persuna li tgħidli li d-Direttur jixtieq ikellimni. Kien rani biss dan! Dak iż-żmien kelli xagħri twila u rani perfett għall-parti. Qalli biex immur inbiddel.”

“Meta jċempluli l-ewwel ma jgħiduli – id-daqna għadek biha? Xagħrek għadu twil?” Infatti ħafna mir-residenti ta’ Ħad-Dingli jafuh bħala Father Christmas. Fil-fatt l-ewwel darba li libes t’hekk kien f’riklam ma’ Moira Delia.

Marianne wkoll taħdem bħala extra u feature artist. Tirrakontalna li bdiet fil-films kważi ma’ żewġha. Kienet ħadet sehem fi Gladiator. Kull ritratt hemm storja warajh qaltilna hekk kif Luciano beda juri xi ritratti li jkun ħa anke mal-atturi. “Ma nafx f’liema wieħed ma ħax sehem!”

Marianne u Luciano ġieli kellhom l-opportunità jaħdmu flimkien ukoll. Fis-serje Taljana Rex ħadmu ta’ turisti. Bid-daħka fuq fommhom jiftakru li kienu qegħdin mal-ġenb viċin l-artisti jaħdmu x-xena. Jisimgħu lid-direttur jgħid lill-assistenti tiegħu biex imorru jneħħu lil dawk il-persuni għaliex kienu fix-xena. “Tant konna qed naħdmuha tajjeb li lanqas induna, ħasibna ta’ vera! Tgħidx kemm daħku u qalulu “Le! Dawk tnejn mill-extras tagħna!” Ġejtu perfetti qalilna d-Direttur.”

Luciano jirrakkonta esperjenzi oħra. “F’13 Hours kellna tmien kameras u drone biex jiġbdu. Il-Mosta lanqas bdew jorqdu n-nies. Konna nibdew niffilmjaw fis-2:00am. Iżda kienu jżommuna fuq l-idejn. Billejl kienu jagħmlulna l-pizza. Saħansitra kien jiġi l-vann tal-ġelat. Ikel kemm trid.”

U b’differenza minn drabi oħra ma kienx hu li talab li jieħu ritratt. “L-artist ta’ 13 Hours tant ħa grazzja miegħi li għajjatli biex jieħu ritratt miegħi! Kont ħdimt ta’ ragħaj. Imbagħad kull x’ħin jarani jsellimli.”

L-iktar parti għall-qalbu

Ma stajniex ma nsaqsuhx dwar il-parti li ħadem f’Game of Thrones, serje televiżiva li għamlet suċċess kbir. Jgħidilna li din kienet l-iktar parti li ħadem għal qalbu. Luciano kellu l-parti ta’ xerrej tal-iskjavi. Saħansitra għandu ritratt mal-attriċi ċelebri Emilia Clarke, li taħdem il-parti ta’ Daenerys Targaryen u l-attur Jason Momoa li jaħdem il-parti ta’ Khal Drog. Dawn qegħdin fi gwarniċ fil-kċina.

Irrakkontalna li r-ritratt ħadulhom id-Direttur tas-serje stess! “Lanqas suppost kellna kameras, imma vera kienu dħulin,” qalilna bid-daħka. Jgħidilna li għadu jsegwi s-serje u kull meta joħroġ episodju ġdid ikun fuq ix-xwiek biex jarah! Luciano ħadem fl-ewwel staġun tas-serje, u deher fl-10 episodji kollha. “Ħaduna d-Dwejra, u konna noqogħdu fil-lukanda ta’ Ċenċ. Kienu jagħmlulna l-BBQ filgħaxija. Momoa wara li nispiċċaw mill-iffilmjar kien joqgħod idoqq il-kitarra.”

Iżda jgħidilna li mhux kull artist jieħu gost li wieħed jitolbu ritratt miegħu. “Darba kont ma’ ħabib tiegħi u konna qed naħdmu ma’ Brad Pitt u dan talbu ritratt u dan qallu m’għandix ċans. U imblajt! Iżda imbagħad erġajna ħdimna miegħu f’World War Z u kien owkej. Kollu ħdimnieh, għamilna xi xahar.”

The Promise kien film sabiħ. Hemmhekk issibni fil-bidu tal-film fi Triq fil-Belt fil-parti ta’ Tork inbigħ. Hemmhekk kelli noqgħod nirranġa s-sapun. Kull darba kien joqgħod jiġi jgerfixhomli d-Direttur. Jiġu l-artisti ħdejja wkoll.”

F’Assassin’s Creed  ħadem ta’ kardinal. “Kelli ħafna ħwejjeġ u tgħidx kemm ħassejna sħana. Fix-xemx ċertu kostumi jġennuk!”

Fil-film The Cut kien liebes ilbies ta’ sinjur. “Kienu tawni l-polka, l-arloġġ u n-nuċċali tad-ditta!”

Ħadmu wkoll ma’ John Rhys-Davies, li ħadem il-parti ta’ Gimli f’The Lord of the Rings, fejn kellhom il-parti ta’ qassisin. Fil-film ċelebri Troy ħadmu bħala persuni fis-suq, filwaqt li f’The Da Vinci Code kellu parti fuq l-ajruplan ħdejn l-artist.

Mhux kull xena li tinġibed tintuża u sfortunatament jaf tkun ix-xena li tkun dehert fiha inti! Hekk ġara fix-xena tat-Tieġ ta’ Kristu f’The Da Vinci Code fejn id-Direttur kien saħansitra qallu biex joqgħod fin-nofs taċ-ċirku tan-nies, post prominenti. Iżda ma dehritx, minħabba li ġiet iċċensurata.

“Darba fil-film Saul kien inħalli ż-żarbun fix-xita. L-attur prinċipali li ħadem il-parti ta’ Saul Kyle Schmid kien niżel jaqfilli ż-żarbun! Kont stħajt u għedtlu ‘u le issa jorbtuhuli.’ Iżda niżel qalli le għax taqa’. L-oħrajn kollha baqgħu jħarsu! Tal-wardrobe kont għedtilhom rajtuh l-artist rabatuli?!”

Jitkellem ukoll dwar kif kellu x-xorti jieħu ritratt ma’ oħt Michael Jackson, La Toya. “Qisha pupa kienet! Daħlet, daħkitilna. Telgħet lejn is-sur.  Dak il-ħin ħadd ma nduna. Kellha l-bodyguard magħha. Ħabib tagħna qalilna dik oħt Michael Jackson, għidulha ħa nieħdu ritratt! Ħadhomlna l-bodyguard kien ir-ritratti.”

 Sabiħ, iżda mhux faċli

Jgħidilna li x-xogħol ta’ extra mhux faċli daqskemm wieħed jimmaġina. “Huwa xogħol iebes ħafna u jinvolvi sigħat twal ta’ ffilmjar għal xena waħda biss. Marianne tgħidilna li fis-sigħat twal tal-filming tħobb tieħu magħha xi ktieb sabiex il-ħin jgħaddi iktar malajr. F’World War Z kienu jitilqu mid-dar tagħhom fit-3:00 ta’ filgħodu u l-vann iwassalhom lura fil-11:00 ta’ filgħaxija. “Konna nqumu u ngħidu illum x’ġurnata hi?!”

“F’Helen of Troy, fix-xena tat-tieġ ta’ oħt Helen, għamilt ġurnata sħiħa bil-kabarè tqil ħafna mimli bl-għeneb dieħel u ħiereġ inqassam lir-rejiet. Konna 100 f’dik ix-xena. Kulħadd jiekol, koxox tat-tiġieġ, kollox ta’ vera!”

“F’Agora kellna nidħlu jien u ieħor inġorru mara għarwiena ħuta. Dawk jitħallsu tajjeb. Kif id-Direttur jgħid “cut” jgħattuhom bil-liżar. L-irġiel kienu bil-ħarqa ma ħallewhomx jinżgħu għarwenin.”

L-istess tip ta’ xeni rawhom ukoll f’Helen of Troy. Bid-daħka jirrakkontalna l-esperjenza ta’ ħabib tiegħu li ħadem magħhom. “Jekk id-Direttur jgħidlek trid tistagħġeb trid tistagħġeb hux! Issa inzerta li din kienet il-parti ta’ sieħbi. U meta l-mara tiegħu rat il-film qaltlu għalhekk tkun trid tmur bħala extra biex tara l-artisti mingħajr ħwejjeġ! U ma ġiex iżjed.”

Kif jgħidulna Luciano u Marianne li ilhom iktar minn  20 sena jaħdmu dan ix-xogħol,  il-films mhux bħall-palk, ma tistax tkun ħafna teatrali. “Fuq it-televiżjoni jaf ikollok biss kamera jew tnejn. Fil-film ikollok anke tmienja! Qas tkun taf fejn qegħdin. Jekk toqgħod tħares lejn il-karmera tħassarlu xena!”

 Films bi 3,000 extra

Kull sena l-Kummissjoni Maltija tal-Films qed toffri l-opportunità lil diversi Maltin u Għawdxin biex jipparteċipaw fil-films.  Engelbert Grech, il-Kummissarju tal-Films, qalilna li  hemm films partikolari li kellhom bżonn saħansitra 3000 extra.  Il-Kummissjoni qed taħdem sabiex ikun hemm aktar inċentivi sabiex producers iħaddmu atturi u extras Maltin fuq films internazzjonali. Minbarra l-gwadann finanzjarju, in-nies qed ikollhom il-possibilità li jaraw kif jinħadem film mill-viċin.  Fix-xhur li għaddew aktar minn 100 extra kellhom ukoll opportunità unika għaliex ittieħdu l-Ingilterra fejn komplew jiġbdu xeni ta’ film li bdew jaħdmu fuqu Malta.

L-għażla tal-extras hija dejjem ibbażata skont it-tema tal-produzzjoni li tkun ser tinġibed. “Produzzjoni jista’ pereżempju jkollha bżonn nies somor jekk inkella bjondi. Jista’ jkun hemm bżonn li li l-extras ikunu muskulati. Kollox jiddependi mill-iscript tal-film jew mill-produzzjoni li tkun ser tinġibed. Ir-rati jibdew minn €60 u jistgħu jiżdiedu skont il-kapacità tal-persuna.

Grech stenna li tul dawn l-aħħar ftit snin, ħidma bla waqfien mill-Kummissjoni Maltija tal-Films tkun strumentali biex Malta terġa’ tattira films u produzzjonijiet internazzjonali li jħallu miljuni kbar fl-ekonomija.  F’dawn l-aħħar snin rajna diretturi kbar u ta’ fama internazzjonali jaħdmu fuq xtutna u joħorġu sodisfatti b’dak li jirnexxilhom jiksbu. Michael Bay, Angelina Jolie, Terry George, Kenneth Branagh, Lilly Wachowski huma ftit fost il-ħafna li kellhom bosta kliem ta’ tifħir wara li ġibdu xi xeni f’Malta. Dan jawgura tajjeb ħafna għall-futur hekk kif iktar ma jmur iż-żmien, iktar produtturi tal-films qed isiru jafu mhux biss fuq il-postijiet sbieħ li hawn f’pajjiżna iżda wkoll bil-professjonalità tal-Maltin u l-Għawdxin li jaħdmu f’din l-industrija.

Bħalissa hemm numru ta’ produzzjonijiet li qed jitħejjew għall-ġbid fix-xhur li ġejjin. Fosthom hemm żewġ produzzjonijiet Bibliċi li ser jinġibdu sal-aħħar tas-sena. Hemm ukoll serje televiżiva internazzjonali li se tkun qed tiġbed xeni fuq il-baħar u fit-tankijiet fil-bidu tal-2018. “Bi preparazzjoni għal dawn il-films, bħalissa numru ta’ extras qed jigu msejħa biex jippruvaw kostumi u biex jitteħdulhom ir-ritratti. Dejjem sibna interess kbir mill-Maltin biex ikunu extras tant li qatt ma kellna diffikultà biex jinstabu n-nies. Kull darba li produzzjoni jkollha bżonn għadd kbir ta’ extras, jinħarġu avviżi fuq il-mezzi soċjali u fil-gazzetti fejn dawk li jixtiequ japplikaw jiġu mistiedna għall-casting. Hemmhekk, jitteħdulhom r-ritratti li jintużaw għall-għażla.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend