Kważi ħamsin fuq ir-reġistru tal-pedofeli | One News

Notifiki

Kważi ħamsin fuq ir-reġistru tal-pedofeli

  • WIEĦED TPOĠĠA DARBTEJN
  • DISKUSSJONI DWAR AĊĊESS FAĊILITAT

F’ħames snin, 49 persuna tniżżlu fuq ir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri. Matul din is-sena diġà tpoġġew ħames ismijiet fuq din il-lista. Kif turi l-istatistika, iċ-ċifri jitqabblu sew tul is-snin, bl-iktar waħda għolja tkun fl-2016, meta ġew deċiżi aktar każi relatati mas-suġġett.

Skont l-informazzjoni miksuba hemm ukoll individwu li ismu tpoġġa darbtejn fir-reġistru wara żewġ kundanni separati – waħda  li kkorrompa tifel taħt l-età u l-oħra għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ żewġ subien ta’ taħt l-età.

L-idea għall-introduzzjoni tar-reġistru saret wara li fl-2006 pedoflu ta’ 79 sena tħalla jieħu ħsieb grawnd tal-futbol f’Raħal Ġdid li kien jintuża wkoll bħala żona ta’ rikreazzjoni minn skola fil-viċinanzi.

L-Att dwar ir-Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri jgħid li kull persuna reġistrata ma tkunx eliġibbli li tkun membru ta’, jew li jkollha impjieg ma’, jew li żżomm xi pożizzjoni oħra f’xi istituzzjoni, stabbiliment jew organizzazzjoni li tipprovdi jew li torganizza xi servizz jew attività li tinvolvi l-edukazzjoni, il-kura, il-kustodja, il-ħarsien jew it-trobbija tal-minuri, sew jekk is-sħubija, l-impjieg jew pożizzjoni oħra tkun bi ħlas, kif ukoll jekk le.

Kull  persuna  li  tingaġġa,  tħaddem  jew  timpjega  xi persuna reġistrata ma’ entità rilevanti jew li tassenja pożizzjoni lil xi persuna reġistrata ma’ dik l-entità tkun ħatja ta’ reat, u meta tinstab ħatja tista’ teħel il-piena ta’ priġunerija minn tliet xhur sa erba’ snin jew multa ta’ mhux inqas minn €2,500 imma mhux iżjed minn €50,000 jew dik il-multa u l-priġunerija flimkien.

Il-liġi mhix retroattiva. Dan ifisser li l-ismijiet imddaħla fir-reġistru ddaħlu wara l-introduzzjoni tar-reġistru u persuni li ġew ikkundannati permezz ta’ reati preċedenti għall-introduzzjoni tiegħu mhumiex imniżżla. L-ismijiet li jitniżżlu jinkludu dawk ħatja t’offiżi bħal stupru, parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ minuri, s-serq ta’ tfal,  prostituzzjoni, pornografija, traffikar ta’ minuri, fastidju u traskuraġni ta’ minuri.

Madanakollu jibqa’ l-fatt li mhux daqshekk faċli li wieħed jiċċekkja dawn l-ismijiet. Jekk persuna li tħaddem trid taċċessa r-reġistru, trid tmur għand avukat li jagħmel rikors fil-Prim’awla tal-Qorti Ċivili, peress li huwa r-reġistratur ta’ din il-Qorti l-individwu responsabbli miż-żamma tar-reġistru. Kull  talba  bħal  dik  għandha  ssir  permezz  ta’  rikors  li għandu jiġi notifikat lill-Avukat Ġenerali li għandu jkollu perjodu ta’ sebat ijiem tax-xogħol biex iwieġeb. Il-qorti kompetenti tista’ taħtar data għas-smigħ tar-rikors sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikors għandux jintlaqa’ u d-data tas-smigħ għandha tkun notifikata lill-Avukat Ġenerali, li jista’ jieħu sehem fis-smigħ. Jekk  il-qorti  kompetenti  tilqa’  r-rikors,  hi  għandha tidentifika l-informazzjoni li tista’ tiġi żvelata u għandha tordna li dik l-informazzjoni tiġi mgħarrfa lir-rikorrent bil-miktub.

Kienu ħafna avukati, ġenituri, edukaturi u għalliema li talbu sabiex l-aċċess għal dan ir-reġistru jkun iffaċilitat. Kelliem għall-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qalilna li d-diskussjoni għadha għaddejja u r-rieda tal-Gvern hija li jiffacilita dejjem iktar il-proċess waqt li jissalvagwardja d-drittijiet tal-persuni kollha involuti, speċjalment il-vittmi. “Waħda mill-affarijiet li se nkunu qed naħdmu fuqha hija li nagħmluha iktar faċli għal għaqdiet mhux governattivi li jaċċessaw dan ir-reġistru anke billi jkollhom tariffi irħas u speċjali għalihom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend