F’Marzu li għadda l-impjiegi full-time żdiedu b’5.3% waqt li l-impjiegi part-time żdiedu b’4.2% meta mqabbel ma’ Marzu tal-2016.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li meta teskludi l-part-timers, f’perjodu ta’ sena s-suq tax-xogħol jgħodd għal 189,983 ħaddiem. Intqal li dan kien riżultat fost l-oħrajn għal żieda ta’ 9,512-il ħaddiem full-time u tnaqqis ta’ 1,384 fin-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol.
L-istatistika turi wkoll li matul Marzu li għadda, l-għadd ta’ persuni jaħdmu għal rashom żdied b’760 persuna meta mqabbel ma’ Marzu li għadda waqt li l-għadd ta’ persuni rreġistrati bħala impjegati żdied bi 8,576.
L-aktar settur li jħaddem ħaddiema full-time hu dak tan-negozji żgħar bħal bejgħ bl-imnut u l-ingrossa. F’Marzu li għadda kien qed iħaddem 26,147 persuna, żieda ta’ ftit inqas 800 ruħ meta mqabbel ma’ Marzu tal-2016.
Il-qasam tal-akkomodazzjoni, bħall-oqsma kollha l-oħra rreġistra żieda ta’ ftit anqas minn 800 ħaddiema li issa qed iħaddem 11,793. Anke s-settur tas-servizzi rreġistra żieda qawwija ta’ ftit anqas minn 1,400 ħaddiem biex meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena li għaddiet, l-għadd ta’ ħaddiema tela’ għal 16,222 ħaddiem.
B’20,895, is-settur tal-manifattura baqa’ t-tieni l-aktar settur li jħaddem ħaddiema.
Skont iċ-ċifri, l-għadd ta’ ħaddiema b’impjieg full-time li għandhom xogħol part-time jlaħħaq 24,993 persuna, żieda ta’ 9.4% meta mqabbel ma’ Jannar tal-2016.
Intant statisika oħra ppubblikata mill-Eurostat turi li b’4,1 fil-mija Malta kellha t-tielet lanqas rata ta’ qgħad fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.