Bil-filmat: Il-ħajja ta' koppji gay u wliedhom | One News

Notifiki

Bil-filmat: Il-ħajja ta’ koppji gay u wliedhom

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet filmat aktar kmieni llum li juri l-isfidi u kif ukoll il-mumenti sbieħ li jiltaqgħu magħhom familji LGBTIQ. Dan sabiex tiġi adotata kultura ta’ inklussività u ta’ rispett fis-soċjetà.

Il-filmat, li t-tema tiegħu hu #OurChildrenAreAlright, juri ħames sitwazzjonijiet ta’ familji differenti li ħadu deċiżjoni diffiċli iżda b’kuraġġ kbir biex jiżvelaw il-ħajja privata tagħhom u jaqsmu r-realtajiet tagħhom mas-soċjetà. 

Il-filmat li nħoloq mill-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà, inħoloq bil-għan li tgħin lis-soċjetà tbiddel il-mentalità bil-mod il-mod u taċċetta li familti LGBTIQ mhumiex differenti minn familji eterosesswali. Huma jaffaċċjaw l-istess sfidi bħal ġenituri u tfal, iżda b’ konsegwenza li jiġu ġġudikati mis-soċjetà, l-isfidi tagħhom isiru ferm ikbar.

Il-President qalet li dan il-filmat juri l-importanza dwar kif għandu jonħoloq spazzju sigur u inklussiv, għal kull familja, fi ħdan is-soċjetà Maltija. Hi sostniet li permezz ta’ dan il-filmat, il-Fondazzjoni qed tipprovdi pjattaforma li taqsam u tiċċelebra n-narrattiv ta’ diversi persuni mill-komunità Maltija tal-LGBTIQ.

F’din it-tnedija ntqal kif biex isir dan il-filmat ma kinitx xi ħaġa faċli għall-familji, dan hekk kif inizjalment kien hemm disa’ familji li kienu se jieħdu sehem fin-narrattiv iżda matul il-proċess erba’ familji ddeċidew li ma jkomplux, u l-ħames familji li pparteċipaw, tnejn minnhom kważi kkanċellaw l-aħħar minuta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend