Bi €82,000 id-dar wara li rċieva pakkett mimli droga | One News

Notifiki

Bi €82,000 id-dar wara li rċieva pakkett mimli droga

Malti ta’ 40 sena residenti Birżebbuġa wieġeb mhux ħati wara li tressaq il-Qorti hekk kif ilbieraħ, minn tfittxija tal-Pulizija rriżulta li kien fil-pussess ta’ diversi tipi ta’ droga, €82,000 fi flus kontanti u pornografija ta’ minuri fost oħrajn. Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi tal-akkużat fejn hu baqa’ miżmum taħt arrest hekk kif ma saret ebda talba għall-ħelsien.

Keith Falzon qed ikun akkużat bl-importazzjoni tal-metamfetamina u traffikar u pussess aggravat ta’ drogi kollha li nstabu fil-pussess tiegħu, kif ukoll talli kellu fil-pussess tiegħu materjal pedo-pornografiku, li kkorrompa minuri u kellu attivitajiet magħhom u talli kkommetta ħasil ta’ flus u kiser il-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja li kienu imposti lilu mill-Qorti, fost akkużi oħrajn.

L-Ispetturi tal-Pulizija, Joseph Busuttil, Kevin Pulis u Jonathan Cassar qalu lill-Qorti li l-Erbgħa li għadda rċevew informazzjoni dwar pakkett li x’aktarx kien jikkonsisti fih sustanza illegali indirizzatt għal Keith Desmond Falzon fil-P.O Box ta’ Birżebbuġa.

Dan wara li d-Dwana infurmat lill-Pulizija li pakkett li fih kien jikkonsisti cover ta’ DVD, kellu ammont ta’ pinnoli suspettati li huma sustanza illegali. Il-pakkett, li wasal mill-Kanada kellu mniżżel fuqu li kellu valur ta’ $60.

Ħidma mid-Dwana flimkien ma’ dik tal-Pulziija wasslet għall-arrest ta’ Falzon li wara li mmoniterjawh fil-mument li hu mar biex jiġbor il-pakkett – wasslet għal sejba akbar minn dik maħsuba. Flimkien miegħu fil-vettura li uża biex jiġbor il-pakkett, kien hemm żewġ persuni taħt l-età

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, semgħet kif iż-żewġ persuni taħt l-età qalu lill-Pulizija li ta’ spiss imorru l-baħar ma’ Falzon u saħansitra ġieli anke jorqdu għandu. Huma sostnew ukoll li kien hemm avvanzi sesswali min-naħa ta’ Falzon.

Mal-arrest tiegħu fil-pussess tiegħu nstabu aktar minn 100 pillola tal-metanfetamina u borża b’madwar nofs kilo sustanza suspettata ħaxixa.

Il-Pulizija wettqet ukoll tfittxijiet ġo garaxx fejn kien qed jirrisdjedi r-raġel, fejn instabu ukoll 4kg sustanza suspettata raża tal-kannabis, 1.5kg sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, iktar minn 100 pillola ecstasy, numru ta’ dożi tal-LSD u aktar minn 40 qartas b’sustanza suspettata kokaina u amfetamina, flimkien ma’ trab kanella allegatament magic mushroom, li huwa sustanza skedata u perikoluża.

Fil-post nstabu ukoll aktar minn €80,000 fi flus kontanti.

Wara li l-Qorti semgħet dwar is-sejba tal-Pulizija ordnat li jiġu ffriżati l-assi ta’ Falzon.

Ma kien hemm l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend