Il-ġenituri u l-għalliema bi rwol importanti | One News

Notifiki

Il-ġenituri u l-għalliema bi rwol importanti

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu twaqqfet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol f’Lulju tal-2014 bil-għan li tidderieġi u tieħu ħsieb it-twettiq tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd (2014-2019).

Tul dawn it-tliet snin ta’ ħidma, l-Aġenzija introduċiet programmi u inizjattivi ġodda ta’ litteriżmu bħal:

• Aqra Miegħi/Read with Me
• Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories
• L-Ambaxxaturi tal-Qari/Reading Ambassadors
• Aqra kemm Tiflaħ/Enriching Classroom Libraries
• Il-Brillantini tal-Qari/Reading Stars
• Bil-Qari u l-Kitba Niskorja/ Footballers Read and Write Programme

Issokta x-xogħol tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li kabbret, xerrdet u saħħet programmi oħrajn li kienu ġa jeżistu qabel bħall-Programm Nwar, Klabb Naħla, ix-Xalati ta’ Kitba u l-Klabbs tal-Kitba. Dan bl-għan li tippromwovi u ttejjeb il-prattiċi tal-litteriżmu fost it-tfal, iż-żgħażagħ, l-adulti u l-anzjani.

Iżda minkejja dawn l-inizjattivi, xorta waħda fadal aktar xi jsir f’dan ir-rigward.

Il-gazzetta KullĦadd tkellmet mal-Kap tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, David Muscat, li stqarr li minkejja li għal dawn l-inizjattivi r-rispons kien wieħed tajjeb, xorta waħda pajjiżna għad m’għandux il-kultura tal-qari.

“Nemmen li fadal xi jsir għax f’pajjiżna għad m’għandniex il-kultura tal-qari f’demmna. Biss nemmen li jekk inkomplu nrawmu lit-tfal minn ċkunithom l-imħabba għall-kotba u n-namra għall-qari, ’il quddiem se jkollna aktar nies litterati. Ġa rajna żieda fis-self tal-kotba mil-libreriji pubbliċi u rispons tajjeb għall-programmi tal-qari għall-gost mill-familji.Għalhekk nittama li fil-futur il-benefiċċji tal-qari jissarrfu f’inqas faqar, aktar inklużjoni soċjali u f’ekonomija li tiġġenera aktar ġid, opportunitajiet ta’ xogħol aħjar u aktar ġustizzja soċjali.”

Iżda l-imħabba għall-qari ħafna drabi tinbet minn età żgħira, bit-tfal jibdew japprezzaw il-kotba mill-ewwel snin ta’ ħajjithom. Għalhekk, staqsejna lis-Sur Muscat dwar l-iktar problema komuni fit-tfal, li twassal biex ma jaqrawx u għalhekk forsi l-livell ta’ litteriżmu tagħhom ikun wieħed baxx. Stqarr magħna li huma bosta l-fatturi u ħwejjeġ li jfixklu lit-tfal milli jaqraw. Fost oħrajn l-eżempju li jingħataw mid-dar.

“Qabelxejn it-tfal iridu jaraw lill-ġenituri tagħhom jew min jieħu ħsiebhom jaqra biex jitħajru jaqraw. L-eżempju jkaxkar. Huwa għalhekk li aħna bdejna l-programm Aqra Miegħi/Read with Me, biex inħeġġu lill-ġenituri jaqraw, jirrakkontaw l-istejjer u jitkellmu ma’ wliedhom minn meta jkunu għadhom f’ġuf ommhom. It-taħdit u l-qari ma fihomx gost biss fihom infushom imma jservu ta’ mezz kif il-ġenituri jestabbilixxu relazzjoni  ta’fiduċja u rabta soda ma’ wliedhom.”

Iżda din mhijiex l-unika raġuni li qed twassal lit-tfal ma jaqrawx. Raġuni komuni oħra, dik li bosta ġenituri jsemmu, hija t-teknoloġija. Kemm-il darba nisimgħu l-ġenituri jwissu lit-tfal biex minflok dik il-logħba jew il-mowbajl, jaqbdu f’idejhom ktieb. B’din il-problema dejjem qed issir aktar komuni bl-iżvilupp ma jaqta’ xejn fit-teknoloġija. Iżda, il-Kap tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu jemmen li anke hawn, il-ġenitur għandu rwol importanti ferm.

“Imbagħad hemm il-logħob diġitali, it-televiżjoni, il-kompjuter, u mitt elf ħaġa oħra. Dawn l-affarijiet itellfu biss jekk jintużaw ħażin u jekk ħabba fihom jitnaqqar il-ħin suppost dovut għall-qari. Għalhekk huwa importanti li aħna bħala adulti niggwidaw lit-tfal kif iqassmu l-ħin, biex isibu ħin għal kollox; u importanti wkoll nuruhom kif jużaw il-mezzi ġodda diġitali, għax dawn ukoll għandhom il-valur edukattiv tagħhom.”

Dan hekk kif illum, il-kotba mhumiex dawk magħmulin mill-karta biss, iżda anke dawk diġitali. Fil-fatt, illum wieħed m’għadux jista’ jissellef ktieb billi jmur fil-librerija pubblika biss.

“Illum ma nitkellmux biss fuq il-kotba magħmula mill-karta, imma wkoll fuq il-kotba diġitali, fuq l-apps u t-tablets. Bil-kard tal-Libreriji Pubbliċi, wieħed mill-kumdità ta’ daru jista’ jissellef ukoll kotba diġitali, u dawn il-kotba huma wkoll aċċessibbli għat-tfal tal-iskejjel tal-istat mill-kamra tal-fronter Aqra Stejjer u Kotba Diġitali.”

Iżda mhuwiex il-ġenitur biss li għandu sehem importanti ħafna fejn jidħol il-litteriżmu fost it-tfal. Dan għaliex wara l-ewwel snin ta’ ħajjithom, it-tfal jibdew imorru l-iskola u għalhekk ir-responsabbiltà taqa’ wkoll fuq l-għalliema li ta’ kuljum jgħallmu lil dawn it-tfal.

“Fl-ewwel snin, il-ġenituri huma kruċjali biex uliedhom jiżviluppaw il-ħiliet ewlenin neċessarji. Daqstant ieħor huma vitali l-għalliema kemm tal-primarja kif ukoll tas-sekondarja biex it-tfal jaħkmu l-lingwi u jkunu jistgħu jużawhom biex jitgħallmu l-oqsma tal-għerf kollha.”

David Muscat żied jgħid li kien għalhekk li l-Aġenzija introduċiet inizjattivi ta’ tagħlim għall-għalliema stess.

“Minħabba f’hekk l-Aġenzija, sa minn meta twaqqfet tliet snin ilu, ħasset il-ħtieġa li torganizza taħriġ kemm għat-Timijiet tal-Litteriżmu ta’ kull kulleġġ kif ukoll għall-għalliema tal-klassi u l-edukaturi l-oħra kollha fl-iskejjel primarji. It-taħriġ jingħata kemm matul is-sena minn kull Tim tal-Litteriżmu tal-kulleġġi fl-iskejjel kif ukoll mill-Aġenzija stess, lill-istess timijiet kull xahar tul is-sena skolastika, fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, il-Ħamrun.”

Iżda mhux biss. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu waqqfet żewġ ċentri tar-riżorsi tal-litteriżmu. Dan għaliex temmen li biex l-għalliem ikun jista’ joffri l-aqwa edukazzjoni lill-istudenti għandu bżonn numru ta’ riżorsi.

“Biex l-edukaturi jieħdu r-riedni f’idejhom fil-litteriżmu skont il-metodoloġija tal-Litteriżmu Bilanċjat imfissra fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd u jkunu huma li jiddeċiedu l-aħjar strateġiji għal kull student/a fil-klassi, huma jrid ikollhom ir-riżorsi meħtieġa. Għal dan il-għan l-Aġenzija waqqfet żewġ ċentri tar-riżorsi tal-litteriżmu, wieħed il-Ħamrun, ħdejn iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, u l-ieħor Ta’ Sannat, Għawdex, ħdejn l-iskola primarja. Minn dawn iċ-ċentri l-edukaturi jistgħu jissellfu b’xejn riżorsi biex iwettqu fil-prattika l-litteriżmu bilanċjat u biex jinqdew bil-Malti u l-Ingliż bl-aħjar mod possibbli.”

Bla ebda dubju rwol importanti ieħor fejn jidħol il-litteriżmu f’pajjiżna, huwa l-kurrikulu li jsegwu l-istudenti minn wara l-bank tal-iskola. Għalhekk, lil David staqsejnieh jekk jemminx li l-kurrikulu preżenti huwiex wieħed li jagħti l-għodda neċċessarja fejn jidħol il-litteriżmu. Huwa qalilna li minkejja li hemm numru ta’ nuqqasijiet, jemmen li mexjin fid-direzzjoni t-tajba.

“Iva, naħseb li l-kurrikulu f’sens wiesa’ jagħti direzzjoni kif l-istudenti jistgħu jiksbu l-ħiliet tal-litteriżmu tul il-mixja edukattiva tagħhom. Dan ma jfissirx li m’hemmx nuqqasijiet fis-sistema jew x’wieħed itejjeb fil-kurrikulu. Biss bil-viżjoni l-ġdida ta’ ‘Il-Vjaġġ Tiegħi’, li aħna l-edukaturi nagħmlu l-almu tagħna biex noffru rotot differenti u varji lill-istudenti minn fejn jgħaddu ħalli kull tifel u tifla jirnexxi, naħseb li qbadna d-direzzjoni t-tajba.”

Iżda fi kliem David Muscat, jeħtieġ li wieħed jagħti wkoll l-ispazju lill-istudent biex jiżviluppa l-ħiliet tiegħu.

“Sar ukoll ħafna xogħol siewi fuq il-Kisbiet mit-Tagħlim mill-uffiċjali edukattivi tas-suġġetti, l-għalliema u edukaturi oħra. Illum nitkellmu dwar l-għalliema kollha bħala promoturi tal-litteriżmu. Issa rridu nqiegħdu dan il-kliem fil-prattika billi tassew nistmaw il-kapaċitajiet kollha tal-istudenti u nagħtuhom l-ispazju biex jiżviluppawhom skont il-ħtiġijiet u l-pass tagħhom.”
Minkejja li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu taħdem l-aktar mat-tfal, l-edukaturi u l-ġenituri tagħhom, minn żmien għal żmien torganizza attivitajiet għall-anzjani wkoll. Bl-aħħar attività tkun il-‘Klabb tal-Kitba’.

“L-aħħar attività li kellna kien Klabb tal-Kitba minn Marzu sa Mejju 2017 mal-Fondazzjoni Nanniet Maltin. F’dan il-kors ħadu sehem nanniet u neputijiet tagħhom f’attivitajiet differenti tal-kitba mħejjija minn tuturi speċjalizzati tal-Programm tal-Kitba Malti. Barra minn hekk għandna wkoll għadd ta’ anzjani u persuni rtirati jieħdu sehem fil-programmi Aqra Miegħi/Read with Me, Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories, u l-Programm Nwar mhux biss bħala parteċipanti imma wkoll bħala animaturi. Irrid infaħħar minn hawn lill-entità tal-Libreriji Maltin li qiegħda tagħmel sessjonijiet ta’ qari fid-djar tal-anzjani.”

Bil-ħidma li tagħmel, din l-Aġenzija hija importanti ferm għal pajjiżna. Dan għaliex permezz tal-inizjattivi tagħha qed tindirizza problemi oħra fis-soċjetà u qed tassigura li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ pajjiżna tkun lesta dejjem aktar għad-dinja tax-xogħol. Tispikka wkoll id-dedikazzjoni li toħroġ aktar biċ-ċar fl-appell ta’ David Muscat fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali ddedikat għal-litteriżmu fit-8 ta’ Settembru.

“L-appell tiegħi huwa li ngħożżu l-kotba daqslikieku l-akbar ħbieb tagħna għax minnhom it-tfal tagħna jistgħu jiskopru mhux biss id-dinja u l-għerf miġmugħ mill-bniedem tul l-evoluzzjoni kontinwa tiegħu, imma wkoll lilhom infushom. Din is-sena, it-tema magħżula mill-UNESCO għal din l-okkażjoni hija ‘Il-Litteriżmu f’Dinja Diġitali’. Kif semmejt qabel, it-tfal tal-lum telgħin f’era fejn mhumiex imdawrin biss bil-kotba tal-karta imma wkoll b’ħemel apparat diġitali. Biex wieħed juża sew dan l-apparat, jeħtieġ ukoll ħiliet bażiċi ta’ qari, ħsieb u navigazzjoni; ħiliet ġodda ta’ litteriżmu. Irridu nagħmlu sforz biex it-tfal jiżviluppaw dawn il-ħiliet ta’ litteriżmu diġitali wkoll ħalli jkunu jistgħu jinqdew bihom għall-iżvilupp ħolistiku tagħhom bħala persuni.”

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tkun qiegħda tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Litteriżmu nhar it-Tnejn, 4 ta’ Settembru 2017 filgħodu b’attività ta’ qari għall-gost fi Triq Bisazza, Tas-Sliema.


Il-programm ta’ qari  u rrakkontar ta’ stejjer Aqra Miegħi/Read with Me, huwa maħsub għal trabi minn 0 sa 3 snin u l-ġenituri/kustodji tagħhom, u jħeġġeġ in-namra għall-qari mill-ewwel snin tat-tfulija, bl-involviment tal-ġenituri fl-iżvilupp tal-litteriżmu ta’ wliedhom. Bis-saħħa ta’ dan il-programm, kull ġimgħa jsiru madwar 75 sessjoni interattivi u divertenti ta’ qari, kant u moviment, kif ukoll tagħlim tan-numri f’madwar 60 lokalità f’Malta u f’Għawdex, li għalihom jattendu madwar 2,000 familja kull xahar. Is-sessjonijiet isiru f’libreriji lokali bis-sehem tal-entità Libreriji Maltin, f’ġonna pubbliċi u fi spazji miftuħa.


Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories jixbah lill-programm Aqra Miegħi/Read with Me, biss minflok għat-trabi huwa mmirat għal tfal ta’ bejn 4 u 7 snin, u għall-ġenituri/kustodji tagħhom. Bħalissa kull ġimgħa qegħdin isiru 40 sessjoni f’diversi rħula u bliet Maltin u Għawdxin, u għalihom qegħdin jattendu mas-600 familja fix-xahar. Is-sessjonijiet isiru f’libreriji lokali bi sħab mal-entità Libreriji Maltin, f’ġonna pubbliċi, spazji miftuħa u f’xi skejjel primarji.


L-Ambaxxaturi tal-Qari/Reading Ambassadors huma personalitajiet magħrufa Maltin u Għawdxin, bħal kantanti, atleti, atturi, kittieba, ġurnalisti u preżentaturi, li fil-ħin liberu tagħhom l-Aġenzija torganizzalhom attività ta’ qari għall-gost u diskussjoni fi skejjel differenti biex iħajru lit-tfal jaqraw. Bħalissa hemm 35 Ambaxxatur tal-Qari u minn mindu bdiet din l-inizjattiva fl-2014 saru 80 attività.


Bil-programm Aqra Kemm Tiflaħ, l-Aġenzija qiegħda żżid bil-kbir l-għadd ta’ kotba tal-qari fil-klassijiet tal-iskejjel primarji bil-għan li t-tfal kollha jkollhom aċċess dirett għall-kotba. S’issa ngħataw 100 ktieb (50 bil-Malti u 50 bl-Ingliż), kif ukoll pakkett riżorsi għall-għalliema lil kull klassi tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sena, ta’ kull skola primarja tal-istat. Minn Settembru li ġej ’il quddiem se jibdew jitqassmu 100 ktieb lill-klassijiet kollha tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena tal-primarja tal-istat, u fil-ġejjieni l-Aġenzija beħsiebha tqassam ukoll kotba tal-qari fil-klassijiet tal-kinder, il-medja u s-sekondarja.


Il-Brillantini tal-Qari/Reading Stars hija skema li permezz tagħha l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tippremja b’vawċer u kotba lil dawk it-tfal ta’ bejn l-4 u s-16-il sena li għandhom għal qalbhom il-qari u jinqabdu jaqraw fil-ħin liberu tagħhom mill-edukaturi tal-Aġenzija. Kull sena jiġu ppremjati 50 tifel u tifla li jiġu nnominati mill-għalliema jew il-ġenituri tagħhom, jew mill-pubbliku. Is-serata tal-premjazzjoni ssir f’wieħed mill-palazzi presidenzjali taħt l-awspiċju tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta.


Bil-Qari u l-Kitba Niskorja huwa programm ġdid maħsub għal dawk it-tfal fl-aħħar snin tal-primarja li ma jkunux iħobbu jaqraw. Il-programm iżewweġ il-logħba tal-futbol mal-qari u l-kitba, u fih ikunu involuti mhux biss it-tfal, l-għalliema tal-klassi u t-tuturi tal-Aġenzija, imma wkoll kowċ tal-futbol professjonali. S’issa l-programm  sar b’suċċess bi sħab mal-iskola primarja ta’ Bormla. Minn Settembru ’l quddiem se jibda f’lokalitajiet oħra fosthom Birkirkara u Għajnsielem, kif ukoll fil-kumpless tas-Sliema Wanderers FC, Nursery, Tas-Sliema.


Il-Programm Nwar huwa programm intensiv ta’ litteriżmu fi gruppi żgħar ta’ mhux aktar minn 6 persuni f’daqqa, għal familji ta’ tfal mit-tielet sas-sitt sena tal-primarja li jkunu għadhom ma ħakmux il-ħiliet bażiċi tal-qari u l-kitba. Tul dawn l-aħħar tliet snin l-Aġenzija fetħet 5 ċentri reġjonali ġodda ta’ dan il-programm f’Ħaż-Żabbar, il-Mosta, Ħal Qormi, San Pawl il-Baħar u Santa Venera biex issa l-għadd ta’ ċentri huwa ta’ 15 u madwar 400 tifel u tifla fis-sena qegħdin igawdu minnu.


L-Aġenzija rriformat Klabb Naħla biex tkun tista’ tagħti l-għajnuna lil dawk it-tfal tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sena li jsibuha diffiċli jaqraw u jiktbu b’żewġ sessjonijiet fil-ġimgħa wara l-ħin tal-iskola. Is-sena skolastika l-oħra ħadu sehem fil-programm 12-il skola primarja u 150 student/a gawdew mis-servizz provdut. Din is-sena skolastika l-Aġenzija tixtieq tilħaq aktar tfal billi toffri l-programm f’20 skola.


Ix-Xalati ta’ Kitba huma attivitajiet ta’ kitba għall-gost għall-familji. Dawn isiru lejn tarf il-ġimgħa f’postijiet storiċi, bħall-Imdina; rurali, bħall-Petting Farm; Ta’ Qali u naturali bħall-Imġiebaħ u Għajn Ħadid, Selmun. Din is-sena, l-Aġenzija ġa għamlet 7 xalati ta’ kitba, li fihom ħadu sehem 110 familji. L-aħħar xalata saret fi żmien Santa Marija fiċ-Ċittadella, Għawdex u fiha għoġobha tieħu sehem l-Onor. Ministru ta’ Għawdex Dr Justyne Caruana. L-Aġenzija qed tippjana li tibda tagħmel aktar xalati ta’ kitba għall-familji u dan se ssir bl-appoġġ, fost oħrajn, ta’ Heritage Malta.


Il-Klabbs tal-Kitba tal-kitba huma korsijiet ta’ madwar tliet xhur li fihom ġenituri u tfal flimkien jitgħallmu tekniki utli biex wieħed jesprimi ruħu bil-kitba skont il-Proċess tal-Kitba. Tul is-sena skolastika torganizza minn żewġ sa tliet korsijiet divertenti ta’ din ix-xorta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend