- Il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-bankini tibqa’ waħda taħraq
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Perusni b’Diżabilità ilha għal ħafna snin tilmenta mid-diversi ingombri li jinħolqu fuq il-bankini tagħna, speċjalment matul ix-xhur sajfin. Problema li fi kliem Oliver Scicluna Ċermen tal-KNPD hija waħda nazzjonali. Ewlenin fost dawn l-ingombri hemm l-imwejjed u s-siġġijiet li jarmaw diversi stabbilimenti tal-ikel fuq bankini, toroq, passaġġi u xtut madwar Malta u Għawdex.
“Sfortunatament minkejja d-diversi tentattivi li saru sabiex jittrażżnu l-abbużi f’dan il-qasam, ftit irnexxielna niksbu riżultati tanġibbli. Bħal donnhom dawn l-operaturi jgawdu minn status differenti minn operaturi oħra. Dan l-istat ta’ anarkija għandu jieqaf darba għal dejjem,” sostna Scicluna. “Bħala poplu ma tantx inħobbu d-dixxiplina, u għalhekk, sfortunatament, hemm bżonn li dawn l-abbużi jiġu indirizzati b’id tal-ħadid, għax aħna l-Maltin nifhmu biss meta tkun iebes magħna.”
Philip Fenech, President tal-Ospitalità Turistika u Divertiment, fil-Kamra Maltija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tenna li l-Kamra dejjem hija pożittiva u favur faċilitajiet għall-imwejjed u s-siġġijiet. “Fil-klima Mediterranja, in-nies iħobbu joqogħdu barra. Dan iżid il-valur tan-negozju u jgħin lit-turist jara l-atmosfera ta’ barra u mhux dejjem jara biss ġewwa tal-istabbiliment. Ovvjament aħna kontra kull tip ta’ abbużi li jaqbżu l-area indikata u japprofittaw ruħhom. Irid jitħalla spazju adekwat għall-ispazji miftuħa u passaġġi fejn in-nies ikunu jistgħu jimxu.
Però Oliver Scicluna jgħid li mad-drittijiet m’hemmx skużi bil-klima: “Mhuwiex ġust li l-operaturi jikkapparraw il-bankini u t-toroq, għax dawn qed inaqqru mid-dritt ta’ dak li jkun li juża dawn l-ispazji pubbliċi, irrispettivament jekk dak li jkun għandux diżabilità. Naturalment, il-persuni b’diżabilità jħossuha aktar, għax diġà aħna limitati minħabba ċ-ċokon u l-infrastruttura ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Ian Borg responsabbli mill-Infrastruttura u Proġetti Kapitali spjegalna l-proċess li bih wieħed jikseb il-faċilità li jpoġġi l-imwejjed u s-siġġijiet fuq art pubblika. “Fil-proċess t’applikazzjoni Transport Malta (TM) hija responsabbli li taġġudika jekk il-post huwiex sikur u li jitħalla passaġġ adekwat għas-sewwieqa u l-persuni li jkunu mixjin kif ukoll linja ta’ viżibilità u d-disinn ġenerali.”
“Transport Malta tħoss li jkun inġust li tiddeċiedi favur li jinħareġ permess għal stabbiliment u mhux għal ieħor fl-istess triq sempliċiment minħabba l-linja tal-konfini bejn belt u oħra bħal fil-każ ta’ Tas-Sliema u l-Gżira. Bħalissa TM qiegħda fil-proċess li torganizza masterplans sabiex jinħoloq disinn ħolistiku għal dawn l-ispazji.”
“Ta’ min isemmi li l-Guidance and Standards for Outdoor Catering Areas on Public Open Spaces (OCA) xprunati mill-Awtorita’ għall-Ippjanar kien miftuħ għall-konsultazzjoni u sar r-reklamar kollu neċessarju anke fuq il-mezzi tal-midja. Kull risposta li rċivejna kienet ikkunsidrata u diskussa.”
Bl-istess mod, mhijiex l-Awtorità tal-Artijiet li tittratta kwistjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-applikazzjonijiet mal-Awtorità għall-Ippjanar. L-Awtorità tal-Artijiet toħroġ no objection għal kull applikazzjoni magħmula fuq art tal-Gvern kif tistabbilixxi l-politika pubblika. L-applikant imbagħad irid japplika għall-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar, bħal kull permess ieħor għall-Iżvilupp, fejn ikollhom bżonn l-approvazzjoni ta’ Transport Malta wkoll. Meta l-permess tal-Ippjanar jinħareġ, l-applikant ikollu bżonn il-permess tal-MTA u wara japplika għall-permess ta’ encroachment mill-Awtorità tal-Artijiet. Il-permess finali huwa dak ta’ encroachments li jistgħu jiġu revokati mingħajr avviż.
Iżda fi kliem Philip Fenech għalkemm jifhmu l-vantaġġ, ta’ min isemmi li daħlu diversi lmenti li meta wieħed jikkumpara l-prezz li wieħed iħallas għall-żona li hija propjetà tal-gvern hija inqas minn dik ta’ postijiet kummerċjali. “B’hekk kien hemm min qalilna li hemm kompetizzjoni mhux ġusta għaliex min għandu l-opportunità u għandu l-faċilità jagħmel użu minn żona tal-Gvern, qed ikollu vantaġġ iħallas prezzijiet orħos minn dawk kummerċjali. Però min kellu l-vantaġġ jagħmel dan huwa kuntent għaliex żdiedlu l-valur tan-negozju tiegħu.”
Fil-fehma tal-GRTU f’dak li għandhom x’jaqsmu l-kwalità tal-ikel u l-livelli ta’ trab u gassijiet perikolużi, din hija kwistjoni ta’ saħħa u sigurtà u għaldaqstant għandhom ikunu l-uffiċjali u d-dipartiment ta’ dan l-uffiċċju stess li jaraw dan hux vera, kif tista’ timmitiga, u anke jekk hemmx xi problemi tat-traffiku u xi residwi.
“Il-prijorità għal Transport Malta tibqa’ s-sigurtà. Il-moniteraġġ tal-livelli tad-dijossidu karboniku (CO2) u t-trab ma jaqax taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta,” qalilna l-Ministru Borg.
Kif jaħsbuha l-Kunsilli Lokali?
Il-problema tibqa’, u din iridu jaffaċċjawha l-Kunsilli Lokali meta finalment jinħareġ il-permess neċessarju għall-imwejjed u s-siġġijiet. Huma bosta s-Sindki li ta’ kuljum iridu jħabtu wiċċhom ma’ din il-problema. Tkellimna ma’ Sarah Agius, Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ u Max Zammit, Sindku ta’ Ta’ Xbiex u membru fl-Eżekuttiv tas-Sezzjoni Kunsilliera PL.
Zammit qalilna li ladarba l-Kunsilli jkunu kkonsultati, hu ma jsibx oġġezzjoni jekk il-ħwienet joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet u jħallu aċċess biżżejjed biex wieħed jgħaddi b’siġġu tar-roti jew pram. “Madanakollu dawn mis-saba’ m’għandomx jieħdu l-id, u nemmen li għandom isiru marki apposta li jindikaw sa fejn jistgħu joħorġu sabiex jiġi evitat l-abbuż fejn ċerti stabbilimenti jieħdu aktar miż-żona konċessa lilhom. Dawn għandom isiru wara konsultazzjoni u approvazzjoni mill-Kunsill. Rigward build-outs wieħed irid jara li jekk dawn isiru, ir-residenti jkunu kkumpensati b’xi mod b’parking alternattiv wara ftehim mal-Kunsill. Nemmen ukoll li dawk li jibbenefikaw minn din il-konċessjoni, jikkontribwixxu b’xi mod direttament lejn il-Kunsill, anki forsi permezz ta’ metodi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva.”
Tal-istess idea hija Agius li elenkat numru ta’ prinċipji li l-Kunsill jimxi magħhom. “Meta jsiru applikazzjonijiet għall-imwejjed u siġġijiet fuq postijiet ta’ parkeġġ il-Kunsill joġġezzjona minħabba li diġà hi diffiċli l-problema ta’ parkeġġ u hekk qed inkomplu nkabbru din il-problema. Fuq kollox jekk il-ħwienet iridu li n-nies jużaw is-servizzi tagħhom, irid ikollhom ukoll post adekwat fejn jipparkjaw. Ħafna mid-drabi l-oġġezzjonijiet tagħna qatt ma ġew milqugħa u b’hekk nistaqsu kemm verament il-Kunsill Lokali ghandu saħħa fuq dan ir-rigward. Fuq kollox aħna nafu x’inhuma l-esiġenzi tal-lokal.”
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali laqgħet il-fatt li l-Kummissarju ghall-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman irrimarka fost l-oħrajn illi minkejja li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu fost l-iktar involuti minn fost l-entajiet kollha, effettivament il-Kunsilli huma l-inqas involuti.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Mario Fava spjegalna li proprju ftit ġimgħat qabel ma ħareġ ir-rapport tiegħu l-Kummissarju, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ppubblikat rapport fejn jindika n-nuqqasijiet li hemm fis-sistema. Fl-istess rapport, l-Assoċjazzjoni għamlet numru ta’ rakkomandazzjonijiet.
Skont is-Sur Fava li huwa wkoll il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista kull każ għandu jittieħed fuq il-mertu tiegħu, skont il-lokal, iż-żona fil-lokalità, il-kummenti li jkun qed jagħmel il-Kunsill u l-ambjent immedjat tal-post, speċjalment fejn jidħlu ħinijiet ta’ ftuħ u għeluq. Ċerti installazzjonijiet ta’ għamara jew tinded li jibqgħu hemm b’mod permanenti huma inaċċettabbli u għandhom jieqfu immedjatament.
“Stabbilimenti li jagħmlu pjattaformi illi fuqhom jitpoġġew l-imwejjed u s-siġġijiet, m’għandhomx isiru fejn se jieħdu postijiet ta’ parkeġġ għaliex jekk dan se jkompli jsir, se nibqgħu naraw karozzi tal-linja u trakkijiet għaddejjin ftit ċentimetri biss ’il bogħod mill-platti tal-klijenti. Jekk mejda b’inċident tersaq lejn tarf il-pjattaforma, din se tispiċċa fit-triq mal-karozzi.”
L-Assoċjazzjoni nnutat ukoll li ċertu permessi li joħorġu mhux jirrispettaw ir-relazzjoni bejn id-daqs tal-istabbiliment u iktar u iktar id-daqs tal-kċina tiegħu. “Ħafna drabi l-ispazju li jiġi estiż barra jkun jisboq bil-wisq dan li qed ngħidu u allura nsibuha diffiċli nifhmu kif sid ta’ stabbiliment jista’ jilħaq mad-domanda li jkollu. Dan huwa rifless ukoll fl-ammont ta’ impjegati li jkollu, li ħafna drabi ma jkunx suffiċcjenti għall-ammont ta’ mwejjed li joħroġ barra.”
Filwaqt li jifhem li hemm bżonn ta’ ħidma kkordinata minn diversi entitajiet li huma responsabbli b’xi mod jew ieħor minn xi aspett tal-problema, Oliver Scicluna huwa tal-idea li din hija primarjament problema ta’ infurzar. “Il-liġijiet u l-policies hemmhekk qegħdin. Jiġifieri, ma rridux nerġgħu nivvintaw ir-rota, imma kull ma jrid isir huwa li jiġu infurzati l-liġijiet u r-regolamenti li diġà jeżistu.”
L-importanza tal-infurzar elenkaha wkoll is-Sur Fava. Sostna li jekk mhux se jsir infurzar li jinħass li qed isir, it-tali politika ma tistax tiġi implimentata b’mod tajjeb. “Ninnotaw kif ikun hemm stanzi li wieħed tinġibidlu l-attenzjoni, jirrimedja għal ftit u wara jerġa’ jkompli jagħmel dak li kien jagħmel qabel. L-infurzar irid ikun konsistenti u frekwenti.”
L-Assoċjazzjoni qed tipproponi wkoll li min jonqos li jżomm mal-permess li jkollu u r-regoli mogħtija lilu, għandu jiġi mmultat. It-tali multi għandhom jitħallsu fuq il-post dak il-ħin stess. Dan jgħin sabiex ma jkunx hemm lok ta’ abbużi wara u anki sabiex dak li abbuża, ikollu detriment ikbar. Meta l-istess stabbiliment jiġi mħarrek għall-istess offiża b’mod ripetut, il-multa għandha tikber skont il-każ. Ma jagħmilx sens fi kliem l-Assoċjazzjoni li jkun hemm multi ta’ ftit ewro meta bejgħ ta’ mejda waħda ikel tagħmel tajjeb għal dik il-multa. B’hekk biss jistgħu jonqsu l-abbużi.
“Kopja ta’ kull permess u l-kundizzjonijiet annessi miegħu, għandhom jingħataw lill-Kunsilli Lokali sabiex dawn, jekk jidħol rapport, ikunu jistgħu jidentifikaw mill-ewwel jekk hemm abbuż jew le. Mhux biss, imma l-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu ikunu proattivi sabiex huma stess ikunu jistgħu jieħdu passi jew jirrappurtaw meta jaraw xi ħaġa li mhix skont il-permess maħruġ.”
L-opinjoni tal-Kunsill Lokali għandha tiġi kkunsidrata iktar fil-fażi aħħarija ta’ approvazzjoni jew le tal-permessi mitluba. Il-Kunsilliera huma eletti demokratikament mill-poplu u jirrappreżentaw lilu. Għaldaqstant għandhom l-obbligi taghhom ukoll lejn il-lokalità u dan irid jiġi rispettat. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għandha tkun irrappreżentata fuq kull kumitat jew bord li b’xi mod ikun se jiddeċiedi jew jista’ jiddeċiedi fuq kull tip ta’ policy u permessi ta’ dawn l-imwejjed u s-siggijiet. Din fl-opinjoni tal-President tibqa’ l-iktar kwistjoni kruċjali.
Il-Ministru Ian Borg tenna li bħala l-entitajiet responsabbli Transport Malta u l-Awtorità tal-Artijiet huma kommessi għal iktar organizzazzjoni ħolistika u d-disinn tal-OCAs. “Wieħed irid japprezza li peress li hemm diversi entitajiet involuti fil-proċess t’applikazzjoni dan jirrikjedi pjanar intensiv u ħafna ħsieb. Irridu nżommu f’moħħna li rridu neliminaw kemm jista’ jkun il-burokrazzija. Hija kwistjoni delikata. Madanakollu Transport Malta u l-Awtorità għall-Artijiet huma kommessi li jżommu mar-regolamenti u jaħdmu għall-disinni mtejba u iktar ħolistiċi.”
L-MTA tispjega l-irwol tagħha
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħmel parti minn numru ta’ entitajiet li flimkien ifformaw kumitat inter-ministerjali u bdew jaddottaw politika komuni fejn jidħol l-immaniġġjar ta’ mwejjed u siġġijiet li jarmaw ir-ristoranti.
Din il-politika ġiet imsawra wara perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika li damet sitt xhur, u l-għan aħħari tagħha huwa li jkun hemm simplifikazzjoni fil-proċess ta’ applikazzjoni biex stabbilimenti tal-ikel japplikaw biex joħroġu bl-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra. Barra minn hekk, ikun hemm punt wieħed ta’ referenza f’każ ta’ intoppi li jinqalgħu jew nuqqas ta’ ftehim.
Is-sistema kienet waħda li kienet kumplessa wisq biex tipprovdi servizz tajjeb u biex deċiżjonijiet jittieħdu fil-ħin. Applikazzjonijiet mis-settur privat kienu jridu jkunu proċessati minn ħames entitajiet distinti u separati, u kien ikollhom jgħaddu minn numru ta’ policies u linji gwida li spiss kienu jkunu f’kunflitt ma’ xulxin. Għalhekk is-sistema attwali bdiet toffri effettività ġdida.
L-entitajiet involuti huma l-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità tal-Ippjanar, Transport Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Jekk sid ta’ stabbiliment ikun jixtieq jarma barra, jirreferi għand l-Awtorità tal-Ippjanar, u din tirrikorri hi stess għand l-entitajiet l-oħra. Minbarra vantaġġi għal min japplika, ikunu jistgħu jsiru verifiċi bl-aħjar mod qabel jingħata permess.
Din hija l-ewwel darba f’pajjiżna li din it-tip ta’ politika bdiet tkun imħaddna. Ta’ min jgħid li din bdiet tidħol fis-seħħ mis-sena li għaddiet, u mhix xi ħaġa li saret fil-jiem li għaddew. Fil-kumitat bħala msieħeb, hi u titfassal il-politika, kien hemm l-Assoċjazzjoni Malija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA).
Il-politika tikkonsidra numru ta’ affarijiet, fosthom il-prinċipji tad-disinn tal-akwata u s-sigurtà għal min għandu l-istabbiliment, min jiffrekwentah u min jgħaddi mit-triq. Tikkonsidra standards fejn tidħol it-tip ta’ għamara li tinħareġ, fejn tinħażen u fejn jitpoġġew oġġetti oħra, bħal heaters jew umbrelel. Naturalment jidħlu konsiderazzjonijiet bħall-immaniġġjar ta’ art pubblika u x’jiġri jekk ikun hemm okkażjoni speċjali fl-akwata.
Fir-rigward tal-infurzar, l-MTA tinsab f’taħdidiet mal-entitajiet differenti kkonċernati sabiex tikkonsolida l-informazzjoni li għandha. Il-pass li jmiss, li ma jeskludix miżuri ta’ infurzar fuq il-post, qed ikun ikkunsidrat.