Il-Kandidat għal kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tpoġġa taħt investigazzjoni mill-istess partit li jrid imexxi. Dan wara li l-Kunsill Amministrattiv tal-istess partit iltaqa’ b’urġenza t-Tnejn filgħaxija biex jiddiskuti l-allegazzjonijiet tal-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta’ Delia.
Fi tmiem laqgħa li ħadet ftit aktar minn siegħa u nofs, stqarrija tal-PN qalet li l-Kunsill Amministrattiv iddeċieda li jirreferi dan il-każ lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba u Etika. Kumitat magħmul minn persuni qrib sew tal-Partit Nazzjonalista u l-‘Establishment’ bħall-ex Ministru Louis Galea, u l-Professur Maryanne Lauri li fl-aħħar kampanja elettorali saħansitra indirizzat mass meeting tal-Partit Nazzjonalista.
Wara laqgħa li damet aktar minn sagħtejn u għaliha attenda l-Kap Caretaker Simon Busuttil, dan ma kellu l-ebda kummenti dwar dak diskuss f’din l-istess laqgħa. L-istess għamel meta mistoqsi minn ONE NEWS jgħid jekk l-allegazzjonijiet li qed tagħmel Caruana Galizia fil-konfront ta’ Delia kienx se jeħodhom quddiem il-maġistrat tal-għassa għal investigazzjoni dwar allegat ħasil ta’ flus barra l-pajjiż.
Intant diversi partitarji bdew jinġabru quddiem id-Dar Ċentrali minn sigħat qabel bdiet il-laqgħa, fejn beda jidher biċ-ċar element qawwi ta’ tensjoni bejn il-partitarji ta’ Adrian Delia li nġiebu propju quddiem l-istamperija sabiex jilqawh biċ-ċapċip waqt li ħareġ mid-Dar Ċentrali.
Delia qal li huwa sar jaf b’din il-laqgħa minn fuq il-media anke jekk kienet intiża li tiddiskuti lilu, laqgħa li fiha kompla joħroġ fid-deher l-element ta’ firda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bejn il-fazzjoni ta’ Adrian Delia u dik tal-‘Establishment’ immexxi minn Busuttil.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll diversi Membri Parlamentari fosthom id-Deputat Herman Schiavone li sostna li ma kien kuntent xejn bl-andament f’din l-elezzjoni, b’mod partikolari għall-fatt li l-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv issejħet meta l-kunsillieri tal-PN diġa’ bdew jivvotaw.
Iżda mhux tal-istess fehma kienet il-Pressident tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Anne Fenech li qalet li huwa imporanti li wieħed jiddiskuti din is-sitwazzjoni, jiġfifieri l-akkużi li saru fil-konfront ta’ Delia.
Iż-żewġ viċi-kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u Mario De Marco għażlu li ma jikkummentawx.