Potenzjal mhux utilizzat biżżejjed | One News

Notifiki

Potenzjal mhux utilizzat biżżejjed

In-numru rekord ta’ turisti li jżuru pajjiżna huwa xhieda tal-prodott ħolistiku tajjeb li noffru bħala pajjiż. Il-lukandi, ristoranti u servizzi relatati mal-ospitalità kollha għamlu qabża ‘l fuq fil-kwalitá u li anki jitgawda mill-poplu Malti inġenerali meta jagħmel użu minn dawn is-servizzi. Però nħoss li wasal iż-żmien li nħarsu lejn niċċa oħra li dan il-pajjiż għandu x’joffri lit-turist, u anki lill-poplu lokali – il-potenzjal tal-kampanja Maltija, u l-ġmiel li toffri. Diġà hawn siti onlajn, kif ukoll kotba għall-bejgħ, li jirreferu għall-ammont żgħir ta’ mixjiet fil-kampanja jew irħula. Però dan m’huwiex biżżejjed fid-dinja tal-lum.

F’pajjiżi barranin faċli ssib dettalji onlajn ta’ mixjiet fil-foresti jew boskijiet jew saħansitra minn villaġġ għall-ieħor. Dettalji li jkunu ċarissimi u anki permezz ta’ marki fis-sit sabiex jikkonfermaw li għaddej mill-passaġġ it-tajjeb. Ukoll, issib diversi mixjiet informattivi, f’forma ta’ heritage trails madwar il-belt jew raħal ta’ post partikolari. Malta, għalkemm fiċ-ċokon tagħha, kapaċi toffri dan it-tip ta’ rikreazzjoni lil kull min jinteressawh dawn l-affarijiet. Il-kosta u l-kampanja Maltija joffru wħud mill-isbaħ xeni flimkien ma’ mixjiet pjaċevoli bi storja u kultura rikka.

Għandna partijiet tal-pajjiż li m’humiex mittiefsa mill-iżvilupp u li joffru serħan il-moħħ għal dawk li jridu jinqatgħu mill-ġenn ta’ kuljum. Apparti l-mixi fuq l-art, qed tiżdied ukoll il-popolaritá tal-użu tal-kenuri madwar il-kosta Maltija. Kosta li bl-għerien tagħha toffri spettaklu naturali lil min jesplora u jżur tali postijiet. Din in-niċċa turistika, jekk tingħata l-għajnuna neċessarja tista’ tkun mezz ieħor ta’ kif jinħolqu l-impjiegi filwaqt li niddiversifikaw u ntejbu l-prodott turistiku tagħna.

Nemmen li dan il-proġett għandu jkun xprunat mill-Ministeru tat-Turiżmu, flimkien mal-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu li iżda għandu jinkludi fih diversi stakeholders oħra li kapaċi jikkontribwixxu għalih. Dan jista’ jinkludi assoċjazzjonijiet ambjentali, Scouts u Guides kif ukoll l-għaqdiet tal-kaċċaturi u operaturi tal-lukandi fost oħrajn.

Il-prodott turstiku huwa oġġett ħaj li rridu nibqgħu nieħduħsiebu ġurnata wara l-oħra, filwaqt li nibqgħu inżommuh attraenti għal min jagħmel użu minnu. Il-potenzjal li toffri l-kosta Maltija u Għawdxija, flimkien mal-irħula pittoreski ta’ pajjiżna jistgħu jservu ta’ faxxinu għat-turisti li jfittxu tiżwieqa ta’ attivitajiet tul il-btala tagħhom f’pajjiżna.

Ritratt: Andrea Sacco Baldacchino

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend