"Mhux se naċċettaw drittijiet anqas għall-ħaddiema" | One News

Notifiki

“Mhux se naċċettaw drittijiet anqas għall-ħaddiema”

Waqt intervent permezz tat-telefon fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat stqarr kif dan il-Gvern jifhem li hemm ħafna nies fin-negozju li sejrin tajjeb wara x-xogħol li sar u li qiegħed isir, iżda dan il-Gvern mhux se jkun qed jaċċetta drittijiet anqas għall-ħaddiema.

Dr Muscat stqarr li xorta baqa’ xi jsir għax għad hawn persuni li ma jistgħux ilaħħqu bil-pensjoni u għalhekk dan il-Gvern se jerġa’ jżidha għat-tielet darba infila, u se ssir aktar ħidma fuq il-kwistjoni tal-kirjiet minkejja li l-Gvern diġa’ żied is-sussidju u żied in-nies li jistgħu japplikaw għalih. Aħna mhux qegħdin indefsu rasna fir-ramel għax l-aġenzija ta’ kreditu DBRS qed tagħtina ċertifikat pożittiv ħafna, aħna nifhmu l-problemi li għandhom in-nies. Il-Partit Laburista huwa l-unika forza politika li jista’ jsolvi l-problemi ta’ dan il-pajjiż, saħaq Joseph Muscat.

Koalizzjoni tal-konfużjoni – iż-żmien tana parir

B’referenza għat-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Mexxej tal-Partit Laburista saħaq li mur ġib lill-Partit Nazzjonalista li kieku qiegħed fil-Gvern. 3 xhur ilu konna ngħidu koalizzjoni tal-konfużjoni, iż-żmien qed jagħtina parrir, tenna l-Prim Ministru filwaqt li spjega kif Simon Busuttil żamm il-Partit tiegħu flimkien billi uża l-illużjoni li seta’ jirbaħ l-elezzjoni. Nittama li l-Partit Nazzjonalista jagħmel l-għażla li għandu jagħmel, għax il-pajjiż għandu bżonn l-Oppożizzjoni. Hemm bżonn li nibdew diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni. Il-Gvern għandu mandat ta’ xi jrid jagħmel, bidliet li jrid iwettaq. Wieħed jittama li kif jinħatar il-Kap tal-Oppożizzjoni, jekk ikun hemm, nibdew dawn id-diskussjonijiet mill-ewwel, sostna Dr Muscat.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista semma wkoll kif it-tattiċi li qed jiġu użati fil-kampanja bejn il-kontestanti huma l-istess tricks tal-Kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali, l-istess tricks li għexthom jien, temm jgħid Joseph Muscat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend