Ħames t’ijiem qabel dik suppost tellieqa bejn erba’ t’iħbieb, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista se jiltaqa’ b’mod urġenti biex jara x’passi se jittieħdu fuq il-kandidat Adrian Delia.
Fl-istess ħin li ħarġet din l-aħbar, Delia sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fejn kritika lil min ma weriex solidarjetà miegħu fid-dawl tal-attakki li qed isofri, fosthom tal-Partit Nazzjonalista stess.
Fl-istess ħin li Adrian Delia kien qed jindirizza lill-ġurnalisti fil-każin Nazzjonalista ta’ Birkirkara, il-Partit Nazzjonalista ħabbar li nhar it-Tnejn se ssir laqgħa urġenti tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ifisser li ħames t’ijiem qabel l-elezzjoni għal Kap u anki meta diġa bdiet il-votazzjoni bikrija tal-kunsilliera li se jkunu msiefrin, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista mistenni jiddeċiedi x’passi se jieħu fuq Adrian Delia.
Dan wara li inizzjalment ma sarx due diligence fuq l-erba’ kandidati għal Kap Nazzjonalista.
L-Amministrazzjoni Nazzjonalista se tiltaqa’ wara li rċeviet talba m’għand il-Kunsillier ta’ Wied il-Għajn Charlot Cassar.
Cassar li sorsi qrib id-Dar Ċentrali qalu lil dan l-istazzjon li qed jintuża biex l-establishment Nazzjonalista isib tebgħat suwed f’Adrian Delia kien kandidat Nazzjonalista fuq it-tieni distrett.
Intant f’konferenza oħra tal-aħbarijiet li sejjaħ il-kandidat għal Kap Nazzjonalista Adrian Delia, reġa’ ħareġ fil-beraħ li dik suppost tellieqa bejn erba’ t’iħbieb hi minflok taqbida mimlija attakki li ġejjin minn kull naħa.
Fid-dawl tal-attakki li qed isofri, Adrian Delia qal li kien Frank Portelli biss li urih is-solidarjetà waqt id-dibattitu.
“L-ebda mill-kandidati l-oħra m’urewha. Il-PN u t-tmexxija tiegħu.”
Bħalissa Adrian Delia jinsab attakkat mill-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia, li allegat li għandu kont bankarju f’Jersey u li fih daħħal miljun sterlina mill-prostituzzjoni.
Fuq l-għatba tal-Qorti, Delia qal ukoll li hemm nies għoljin fil-ġerarkija tal-Partit Nazzjonalista li ma jriduhx kap.