Raġel indarab gravi wara li waqa’ minn fuq trakk tal-ġebel fl-Għasri f’Għawdex.
Ir-raġel li għandu 61 sena, residenti n-Nadur, għal xi raġuni waqa’ minn fuq trakk waqt li kien qiegħed jgħabbi xi ġebel fuqu. Jidher li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-13:30, f’bitħa ta’ kumpless privat fi Triq il-Fanal, l-Għasri.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji u aktar tard kellu jiġi trasferit fl-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr J Vella Cuschieri LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan l-inċident.