Tħabbru żewġ skemi minn Fondi Ewropej li jlaħħqu sbatax-il miljun u mitejn elf ewro li minnhom ser jibbenifikaw mal-5,800 persuna fuq taħriġ u xogħol.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farruġia ħabbru żewġ skemi bl-isem ta’ ‘The Vaste Programme’ u ‘Work Programme Initiative’ biex iħeġġu aktar persuni jersqu lejn id-dinja tax-xogħol.
Il-programm Vaste huwa intiż li jassisti lill-persuni b’diżabilità u individwi vulnerabbli li huma inattivi, per eżempju minħabba problema fil-kondotta, biex isibu post tax-xogħol.
Il-‘Work Programme Initiative’ jiffoka fuq taħrig għall-persuni li ilhom qiegħda għal tul ta’ żmien. Dawn se jingħataw taħriġ personalizzat li jitratta diversi ħtiġijiet u abbiltajiet differenti ta’ dawn il-persuni.
Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li l-għan ta’ dawn il-proġetti hu li jikkumplimentaw u jsaħħu x-xogħol li diġà qed isir ma’ dawk li jfittxu x-xogħol u ma’ min iħaddem permezz tal-appogg tal-Gvern.
Is-segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia spjega kif permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Malta allokat €11-il miljun għall-Vaste Programme u €6.2 miljun għall-Work Initiative Programme.