Game of Thrones | One News

Notifiki

Game of Thrones

Min ma jafx bis-serje popolari Game of Thrones? Serje bbażata fuq ktieb li jitratta l-ġlied bejn familji b’saħħithom mimlijin Rejiet, Reġini, nies onesti u giddibien u li jagħmlu l-bsaten fir-roti lil xulxin sempliċiment sabiex jiksbu aktar poter.

Għalkemm miniex xi wieħed li jogħġboni films jew serje mimlijin fantaxjenzi u żinnijiet, qrajt naqra dwar xiex inhu bbażat dan il-ktieb għax il-hype fuqu huwa wieħed kbir.

Il-logħba tat-tronijiet fakkritni fil-logħba li għaddejjha bħalissa bejn il-kontestanti għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, li fil-verità iktar tixbaħ logħba tal-ġebel, min iwaddab l-aktar.

Jidher li l-aktar li qed jaqla’ huwa Adrian Delia. Attakk sistematiku mill-portavuċi tal-PN Daphne Caruana Galizia li tmexxi l-establishment innifsu tal-Partit Nazzjonalista. Bizzejjed wieħed jara l-istorja tal-KullĦadd tal-bieraħ fejn ħareġ kif eks-membru tat-tim tas-sigurtà tal-eks-Prim Ministru Gonzi, li huwa Pulizija, kien għadda huwa stess l-informazzjoni lil Daphne Caruana Galizia, tant li qed ikun investigat. Fuq Delia, hemm attakk ukoll għaddej min-naħa ta’ Chris Said b’botti dwar il-qagħda finanzjarja.

Dan tal-aħħar, Said, jidher li għandu l-appoġġ tal-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista tant li huwa fatt magħruf li huma ħafna l-esponenti għolja tal-PN bħal Beppe Fenech Adami li jidhru spiss miegħu.

Frank Portelli, kontestant ieħor li għamel dikjarazzjonijiet b’saħħithom kemm fuq il-Partit u kemm fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dan l-aħħar ilmenta li ngħata lista ħazina tal-Kunsilliera u l-membri tal-konvenzjoni Ġenerali biex spiċċat li l-ELCOM stess (l-Uffiċċju elettorali tal-PN ħarġet tikkontradixxih u tgiddbu.

Alex Perici Calascione jidher li qiegħed lura iżda l-froġa kollha qed jagħmilha Simon Busuttil li qed jaħdem bis-sistema ta’ ifred u saltan. Bizzejjed wieħed jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ permezz ta’ stqarrija biex imeri żewġ kandidati li qed jikkontestaw din it-tellieqa.

Huwa jrid li min jitla’ jagħmel agħar minnu. Jidher li qed jobduh.

Intant nibqgħu nħarsu lejn kif spiċċa l-Partit Nazzjonalista, Partit maqsum u mifrud, kulħadd jiġġieled għat-tronijiet.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend