Argument iwassal għal qabda ta’ droga – One News

Notifiki

Argument iwassal għal qabda ta’ droga

 

Kien rapport dwar argument li seħħ f’appartament li wassal għal qabda ta’ ammont ta’ kokaina u marijuana minn appartament f’San Pawl il-Baħar nhar is-Sibt.

Rapport li wassal għall-arrest ta’ Taljan u żewġ Olandiżi, wara li l-Puliżija marru fuq il-post minħabba l-argument u hemm sabu d-droga wkoll.

It-Tnejn tressaq it-Taljan – Antonino Tuzza minn Lentini fi Sqallija.

Hu ġie akkużat bi traffikar ta’ kannabis, pussess aggravat tal-pjanta tal-kannabis, resina tal-kannabis, u kokaina. Dawn kollha f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Ir-raġel li qal li hu ħaddiem fil-kostruzzjoni, qal lill-Qorti li ma għandux residenza fissa.

Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrieh, f’dan il-każ fejn kien assistit minn avukat t’għajnuna legali, hekk kif m’għandux biex iħallas avukat.

Hekk kif ir-raġel m’għandux residenza fissa, ma ntalabx il-ħelsien mill-arrest.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend