Ħadu għalihom bi kliem l-Isqof – One News

Ħadu għalihom bi kliem l-Isqof

  • Ebda riċerka dwar il-preżenza tad-drogi fil-festi

Dilettanti tal-festa li għal dik il-ġimgħa ta’ ċelebrazzjoni lejn il-patrun jew il-patruna jagħtu ħajjithom ħassewhom xi ftit iffastidjati bi kliem l-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech, nhar it-Tlieta li għadda.

Filwaqt li ma laqgħux b’sorpriża l-aħbar li d-droga ssib ruħha fil-festi Maltin innotaw li mhuwiex korrett li wieħed jipponta subgħajh lejn il-festi bħala xi sors ewlieni ta’ minn fejn wieħed jista’ jixtri dawn is-sustanzi.

“Id-droga tista’ tinxtara minn kwalunkwe attività tal-massa, saħansitra tiġijiet,” qal Christopher Briffa, f’isem l-Għaqda Każini tal-Banda.

“L-Għaqda Kazini tal-Banda mhijiex sorpriża bil-kumment ta’ l-Isqof Grech, tant li l-Għaqda kienet pro-attiva u fil-bidu ta’ Ġunju 2017 flimkien mal-agenzija Sedqa nediet kampanja kontra x-xorb alkoħoliku u s-sustanzi illeċiti fil-festi Maltin,” kompla jingħad minn Briffa ma’ din il-gazzetta.  Saħansitra nnota kif l-Għaqda tinsab dizappuntata għall-fatt li l-midja lokali ma tatx l-attenzjoni meħtiega lil din il-kampanja. “Issa għax tkellem Mons. Isqof Grech qegħdin noħolqu sensazzjoni. Fejn kienet il-midja f’Ġunju meta l-għaqda nediet din il-kampanja?” argumenta Briffa li nnota kif fl-omelija l-Isqof Grech ma sabx ħin biex jelenka t-tajjeb tal-festi.

Fid-dawl ta’ din id-diskussjoni tkellimna ma’ Anthony Gatt, Psikologu u Kordinatur tas-Servizzi  terapewtiċi ta’ riabilitazzjoni kontra l-abbuż tad-droga f’Caritas Malta.

Sostna li ma teżistix statistika li tgħid bil-preċiż dwar l-ikkunsmar tal-alkoħol u d-droga fil-festi. “Huwa fatt ukoll li f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda ta’ persuni li jabbużaw mill-kokaina b’mod ġenerali u din ix-xejra tista’ tiġi riflessa anki fil-festi. Il-kokaina hi sustanza li tistimula l-ġisem u l-moħħ b’mod li l-persuna tesperjenza sens ta’ ewforija,” qal Gatt.

“Tajjeb ngħidu li l-abbuż ta’ kull tip ta’ droga, inkluż l-alkoħol, li hu sustanza legali iġorr il-perikli tiegħu. It-taħlit tal-alkoħol mad-droga kokaina hu riċetta perikoluża li żżid r-riskji ta’ overdose,” żied Gatt.

L-Isqof innota kif filwaqt li naqas il-konsum tal-alkoħol fil-festi żdied il-bejgħ tal-ilma u rabat dan mal-pjaga tad-droga. Staqsejna lil Gatt dwar l-użu ta’ iktar ilma.

“Li wieħed jixrob l-ilma meta jikkonsma sustanzi stimulanti huwa rakkomandat biex jitnaqqas r-riskju ta’ deidrazzjoni. L-interess tagħna hu li nkunu nafu kemm ix-xejriet tat-tipi ta’ sustanzi li qed jiġu abbużati, kif ukoll il-kwantitajiet ta’ nies. Hekk inkunu nistgħu nifhmu aħjar x’interventi hemm bżonn. Jekk inħarsu lejn in-numri ta’ persuni li fittxew l-għajnuna f’dawn l-aħħar snin, insibu li n-numri pjuttost baqgħu stabbli. Però kien hemm tnaqqis sostanzjanli ta’ nies li fittxew l-għajnuna minħabba l-eroina u żieda sostanzjali ta’ nies li fittxew l-għajnuna minħabba l-kokaina u l-cannabis,” qal Gatt.

Thomas Bajada, Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tas-Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863 qalilna li qatt ma kien il-każ li nstabet sustanza illeċita waqt il-marċijiet tagħha, jew inkella li xi partitarji kienu taħt l-effett ta’ xi sustanza illegali. L-istess Soċjetà tinsab impenjata biex, bħalma kien il-każ sal-lum, il-marċijiet tagħha jibqgħu jkunu nodfa mill-użu tad-droga.

“Is-Soċjetà tassoċja ruħha ma’ kull messaġġ jew dikjarazzjoni kontra d-droga u favur il-ħajja, u huwa tassew pożittiv li Mons. Isqof Mario Grech juża waħda mill-aktar okkażjonijiet importanti fil-kalendarju djoċesan sabiex iwassal messaġġi importanti għas-soċjetà ċivili,” qal Vassallo.

Innota li għalkemm Mons. Isqof uża l-Pontifikal ta’ nhar Santa Marija fil-Katidral ta’ Għawdex sabiex iwassal messaġġ rigward id-droga fil-marċijiet, huwa kien qiegħed jagħmel il-kummenti tiegħu b’mod ġenerali u mhux b’rabta ma’ xi festa jew festi partikolari.”

Min-naħa tagħha s-Soċjetà Leone tagħmilha ċara li fil-marcijiet organizzati minnha qatt ma kien hemm preżenza ta’ droga. Il-messaġġ tas-Soċjetà Leone lill-partitarji tagħha dejjem kien li ċ-ċelebrazzjonijiet ad unur tal-Patruna Santa Marija huma ċelebrazzjonijiet li m’għandhomx jiġu imċappsa b’xejn, lanqas bl-iċken dell ta’ sustanza illeċita.

L-isforzi li qegħdin isiru mill-awtoritjiet konċernati sabiex dawn l-abbużi jitnaqqsu huma ferm apprezzati fi kliem l-Għaqda Każini tal-Banda. “Inħeġġu lill-istess awtoritajiet sabiex ikunu aktar viġilanti fuq it-teħid ta’ sustanzi illeċiti. Ma nistgħux nibqgħu nfittxu biss dak li huwa negattiv fil-konfront tal-festi Maltin. Hemm ħafna attivitajiet interessanti u ta’ edukazjoni li jsiru fil-kwiet iżda ħadd ma jirrappurtahom!”

Iżda lil hinn minn dan kollu l-festi huma skola t’arti. Ħafna mill-iskulturi u pitturi Maltin u Għawdxin ħarġu mill-Kazini u l-għaqdiet tal-armar tal-festi tagħna. “Ta’ min isemmi artist li dan l-aħħar kien fil-midja għaliex iddisinja u ħoloq il-presepju Malti ġewwa l-Vatikan – Manwel Grech. Dan l-artist beda l-karriera tiegħu jaħdem l-armar għall-festa tar-Rabat Ghawdex.”

Il-festi huma wkoll skola ta’ mużika. Matul il-festi Maltin il-poplu Malti jkollu serati sħaħ ta’ mużika permezz tal-programmi mużikali li l-baned tagħna jtellgħu kull sena fil-festa. Il-baned qegħdin iressqu kull tip ta’ mużika lejn il-poplu. “Il-bandisti jingħataw tagħlim b’xejn kif wkoll strumenti sabiex jipprattikaw il-mużika. Ta’ min isemmi li l-Orkestra Nazzjonali għandha element qawwi ta’ mużiċisti li ħarġu minn ġol-Każini tal-Banda, saħansitra l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra kien bandist ma’ każin tal-banda!”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *