900 student jitolbu reviżjoni tal-karta tal-eżami – One News

900 student jitolbu reviżjoni tal-karta tal-eżami

  • MA KINUX KUNTENTI BIL-MARKA TAL-O LEVEL JEW TAL-A LEVEL

876 student applikaw biex jagħmlu reviżjoni tar-riżultat tal-O Level jew tal-A Level wara li ma kinux kuntenti bil-marka li ngħataw mill-eżaminaturi tal-MATSEC. Dan minn total ta’ madwar 9,500 student li poġġew għall-eżami fis-sessjoni ta’ Mejju li għadda.

Minn tagħrif li kisbet il-gazzetta KullĦadd jirriżulta li minn dawk li talbu reviżjoni tal-karta hemm 524 li applikaw biex jerġgħu jpoġġu għall-eżami fis-sessjoni ta’ Settembru.

Minn kważi 900 student li applikaw għar-Reviżjoni tal-Karta, 384 minnhom kienu tal-livell Ordinarju filwaqt li 492 minhhom kienu tal-livell tal-Matrikola.

L-għan tar-Reviżjoni tal-Karta hu li ssir verifika fuq il-marka li l-istudenti jkunu rċevew ibbażata fuq is-sessjoni ta’ Ġunju. Eżaminatur li ma kienx parti mill-proċess biex jikkoreġi karti tal-eżamijiet f’Ġunju jiġi appuntat biex jerġa’ jirrevedi u jivverifika l-marki li jkunu ngħataw lill-istudenti. Jekk il-persuna appuntata tħoss li għandha titbiddel il-marka, jkun hemm diskussjoni biex jintlaħaq ftehim. Kemm jekk il-marka oriġinali tiġi ġġustifikata u kemm jekk tinbidel, l-eżaminatur il-ġdid huwa mitlub li jikteb rapport konċiż u dan jintbagħat lill-istudent. Taħt l-ebda ċirkostanza mhu permess li l-istudent jara l-karta tal-eżami tiegħu sakemm ma jkunx hemm kwistjoni ta’ verifika tal-karta tal-eżami nnifisha.

Wieħed jifhem li jkun hemm diversi studenti li ma jkunux kuntenti bil-marki tagħhom però l-kwistjoni hi, għaliex studenti jiddeċiedu li jonfqu ammont ta’ flus biex japplikaw għar-Reviżjoni tal-Karta meta ħafna mill-marki qas biss jinbidlu?

Kelliem għall-uffiċċju tal-MATSEC qalet li dan l-eżerċizzju jiżgura li l-marki li ngħataw huma ġusti u li t-tweġibiet ġew immarkati kollha. Jirriżulta wkoll li mhux dawk kollha li japplikaw ma jkunux marru tajjeb jew ma jkunux għaddew mill-eżamijiet. Huma ħafna li japplikaw minkejja l-fatt li jkunu għaddew. Fil-fatt kien hemm numru ta’ studenti li minkejja li  applikaw għal dan l-eżerċizzju, kienu jilħqu l-kriterji mitluba minn istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji. Jista’ jkun li jkun hemm min irid jieħu ċans biex isaħħaħ il-grad, anke għax b’dan il-proċess il-marka tista’ biss tiżdied u mhux tonqos.

Jirriżulta li l-iktar suġġett li applikaw għalih fil-livell Ordinarju kien proprju s-suġġett tal-Matematika li applikaw għalih 106 studenti. Dan hu suġġett li dwaru kien hemm l-ilmenti ta’ diversi studenti li kien itqal mis-soltu anke jekk imbagħad irriżulta li r-rata ta’ dawk li għaddew ma varjatx minn snin oħra.

Filwaqt li fil-livell tal-Matrikola, 91 student applikaw għall-reviżjoni fis-suġġett tal-Kimika fil-livell Avvanzat. Bla dubju ta’ xejn dawn huma żewġ suġġetti li jħabbtu ħafna studenti. Dan jistgħu jikkonfermawh statistiċi maħruġin minn MATSEC. Jirriżulta li minn total ta’ kważi 4,040 student, 808 student m’għaddewx mill-Matematika fil-livell Ordinarju u minn total ta’ kważi 450 student, 53 m’għaddewx mill-eżami tal-Kimika fil-livell Avvanzat.

Minkejja l-fatt li kien hemm iktar studenti li applikaw għal ‘Revision of Paper’ fil-livell tal-Matrikola, dan in-numru ta’ studenti jidher li qed joqnos mentri fil-livell tas-SEC m’hemmx sinjal ċar.

“Fil-livell tas-SEC ma hemmx tendenza ċara. In-numru naqas mis-sena li għaddiet, però naqsu wkoll in-numru li applikaw għall-eżamijiet.”

L-eżaminaturi li jiġu appuntati jkollhom inqas minn tliet ġimgħat biex jirrevedu kważi 900 skript u jikkonkludu x-xogħol tagħhom u hekk kif qegħdin ftit jiem biss mill-bidu tas-sessjoni ta’ Settembru, il-proċess tar-reviżjoni tal-karti għadu ma ntemmx. Allavolja hemm xi rapporti li diġà ntbagħtu lill-istudenti jibqa’ l-fatt li ċerti studenti qed jistennew dan ir-rapport bit-tama li togħla l-marka sabiex ikunu jistgħu jidħlu fl-istituzzjonijiet mixtieqa qabel is-sessjoni ta’ Settembru.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *