Miċħuda t-talba għall-ħelsien tal-priġunier marid b’kilwa; konferma li l-ħabs ma kienx ta’ effett fuq saħħtu – One News

Notifiki

Miċħuda t-talba għall-ħelsien tal-priġunier marid b’kilwa; konferma li l-ħabs ma kienx ta’ effett fuq saħħtu

Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest  ta’ priġunier marid bil-kliewi.

Christoper Bartolo għamel din it-talba minħabba raġunijiet ta’ saħħa, iżda f’sentenza tal-Qorti ppreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u żewġ Imħallfin irriżulta li fil-ħabs Bartolo qed jingħata l-kura meħtieġa.

Saħansitra, il-konsulent mediku tiegħu ikkonferma li jekk kien hemm diffikultajiet dawn ma kienux riżultat tal-fatt li Bartolo jinsab residenti Kordin. Fi kliem l-ispeċjalista Joseph Farrugia, li jikkura lil Bartolo “dil-kilwa mill-bidu kienet naqra zoppa.”

Fil-fatt l-ispeċjalista qal li ġisem Bartolo kien diġa’ qed jifforma hekk imsejjħa ‘anti bodies’ kontra din il-kilwa.

Qal ukoll li għalkemm kien hemm mumenti fejn inqabżulu l-mediċini mhux il-kawża li kien hemm dik magħrufa bħala ‘rejection’ tal-kilwa.

Kien spjegat kif Bartolo qed jittieħed tliet darbiet fil-ġimgħa għad-dialysis Mater Dei, filwaqt li jingħata l-kura psikoloġika kif hemm bżonn.

Fis-sentenza tagħhom l-Imħallfin qalu li għalkemm irriżulta li seta’ kien hemm perjodu qasir ta’ adattament mill-awtoritajiet tal-ħabs illum dawn aġġustaw ruħhom għal kollox. Filwaqt li kien innotat kif Bartolo jaħdem fl-istores tal-ħabs u għalhekk meta wieħed iqis dan u li tliet darbiet fil-ġimgħa jmur Mater Dei żgur ma jistax jgħid li jgħaddi l-ħin kollu tiegħu f’ċella.

B’hekk kien iddikjarat li ma kellux bażi li jrid joħroġ mill-ħabs minħabba raġunijiet mediċi. Il-Qorti qalet ukoll li lanqas hu sostenibbli l-argument tal-preżunzjoni tal-innoċenza ġaladarba r-rikorrent ammetta l-akkużi kontra tiegħu u l-appell huwa limitat għal piena.

Fuq kollox filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien, il-Qorti nnotat kif l-akkużat hu lest jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni fi ħdan il-CARITAS u għalhekk jekk ikun aċċettat għandu jingħata dan iċ-ċans.

Bartolo qed jappella minn sentenza ta’ pusses u traffikar ta’ droga fejn wara li ammetta kien weħel ħames snin ħabs.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend