Tidħol fir-raba’ jum it-tfittxija għall-Franċiż li qabeż minn fuq dgħajsa f’Tas-Sliema – One News

Notifiki

Tidħol fir-raba’ jum it-tfittxija għall-Franċiż li qabeż minn fuq dgħajsa f’Tas-Sliema

It-tfittxija għaż-żagħżugħ Franċiż li kmieni s-Sibt filgħodu qabeż minn fuq dgħajsa tad-divertiment f’Tas-Sliema, issa daħlet fir-raba’ jum.

Il-ġuvni ta’ 19-il sena li kien qed jirrisjedi fis-Swieqi, bħalissa qed jitqies bħala mitluf wara li s-Sibt hu flimkien ma’ erba’ persuni oħra qabżu l-baħar minn fuq dgħajsa tad-divertiment qrib tas-Sliema biex jgħumu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tan-00:25 tas-Sibt filgħodu meta għall-ewwel b’kollox kien hemm ħames persuni meqjusa nieqsa hekk kif dawn ma setgħux jintlemħu fil-baħar.

Wara tfittxija li bdiet tul il-lejl, tliet persuni ttellgħu mix-Xatt ta’ Tas-Sliema filwaqt li persuna minnhom tela’ waħdu minn San Ġiljan.

Il-Forzi Armati ta’ Malta bħalissa għaddejja bil-ħidma biex jinstab il-ġuvni l-ieħor li għadu meqjus bħala nieqes.
It-tfittxija bħalissa qed issir kemm bil-Melita u kif ukoll bil-ħelikopter.

Intant il-Pulizija għadha qed tqis lil Alfred Mifsud, raġel ta’ 58 sena bħala persuna nieqsa.

Huwa deher l-aħħar ħdejn bar li jinsab fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa. Il-vettura tiegħu nstabet f’Birżebbuġa stess. 

Kull min għandu xi informazzjoni dwar Mifsud jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anki b’mod kunfidenzjali, billi jċempel fuq in-numri ġenerali tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li huma 21 224001 jew 119. 

Wieħed jista’ anke jgħaddi informazzjoni fi kwalunkwè Għassa tal-Pulizija. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend