Ellis jgħid li Delia u Portelli għandhom jirtiraw – One News

Ellis jgħid li Delia u Portelli għandhom jirtiraw

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Joe Ellis, qal li l-kandidati għat-tmexxija tal-istess partit, Adrian Delia u Frank Portelli għandhom jirtiraw mit-tellieqa.

F’artiklu fil-gazzetta Illum Portelli qal: “F’ġieħ is-sewwa, irtiraw.”

F’paġna sħiħa ta’ opinjoni tefa’ dubji serji dwar għaliex se jikkontestaw l-elezzjoni l-istess Delia u Portelli.

“Il-kampanja ma tistax ma tiġix kundizzjonata bir-rivelazzjonijiet illi qegħdin isiru,” qal Ellis li nnota għal kitbiet ta’ Caruana Galizia.

Fost oħrajn Ellis tkellem dwar id-dejn ta’ Portelli u l-falliment tal-isptar St Philips u qal li l-bank jista’ jdur għal dawn il-flus minn ħin għal ħin.

Irrefera wkoll lejn id-dejn li kumpanija li għandu ishma fiha Delia u li għandha dejn ta’ seba’ miljuni u mitejn elf ewro fuq proġett li Ellis jgħid li mar żmerċ fil-pjanijiet tiegħu.

“Adrian Delia ħaseb li dan il-kuntratt se jibqa’ mistur,” kiteb Ellis li ddeskriva bħala stramba u mhux aċċettabbli l-mossa tiegħu li jrid jiddikjara l-assi tiegħu biss jekk jinħatar kap. Sostna li minbarra dan id-dejn hemm rata ta’ interessi ta’ elf u sitt mitt ewro kuljum.

U żied li wieħed issa qed jifhem għaliex Delia ma riedx jippubblika l-assi tiegħu.

Ellis stqarr: “Wieħed għalhekk irid bilfors jistaqsi: x’ġiegħel lil Adrian Delia u Frank Portelli joħorġu għal Kap tal-PN minkejja li ma kienux attivi fil-partit u minkejja li qegħdin f’sitwazzjoni finanzjarja xejn feliċi?”

“Dawn ir-rivelazzjonijiet jirrenduhom mhux idoneji għall-kariga li qed ifittxu li jimlew,” kiteb Ellis. 

L-avukat u kandidat fi tlettax –il distrett qal li partit bi problemi finanzjarji kbar l-aħħar ħaġa li jrid hu li jkollu  kap bi problemi finanzjarji kbar tiegħu wkoll.

Ellis żied kif jista’ jkun illum persuni intelliġenti ma ħasbux f’dan kollu qabel tefgħu l-kandidatura. Hawn Ellis kompla jagħmel l-argument li jekk iridu jgħinu lill-PN żgur mhux billi jmexxuh u appellalhom jirtiraw mit-tellieqa.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend