Il-Qorti… tal-Kavallieri | One News

Notifiki

Il-Qorti… tal-Kavallieri

Meta ġie Maitland f’Malta, beda jagħmel it-tibdil fis-sistema tal-Qrati speċjalment fil-Qrati Kriminali. Is-sistema kienet ħażina u ma kien l-ebda konsiderazzjoni għal min ikun akkużat. Il-poplu Malti għandu bżonn jifhem illi min ikun akkużat għad ma jkollux sentenza fuq rasu, u allura daqs kemm hemm ċans illi jinstab ħati daqstant ieħor ikun hemm ċans illi ma jkunx ħati.  U l-istejjer mhumiex bilfors kif jidhru fil-ġurnali, għaliex il-ġurnal iġib fil-qosor u ma jistax iġib dak kollu li jkun qed jiġri fl-Awla. 

Imma li jinkwetani huwa li minkejja kull sforz, is-sistema tal-Qrati Kriminali, erġajna morna lura għal żmien Maitland.

U l-għerq ta’ kollox jinstab fis-sistema ta’ kif issir il-kumpilazzjoni illi suppost aħna imitajna mill-Ingliżi.  Filfatt peress illi l-Imħallfin tal-imgħoddi kienu iktar midħla tal-ilsien Taljan u kienu jaqraw il-kotba tal-liġijiet Taljani, fasslu il-ħsieb tagħhom u l-interpretazzjoni tal-liġijiet Ingliżi b’nuċċali Taljan.  Żmien ilu fl-Italja, għax lanqas għadhom hekk illum, kien hemm dak li jgħidulu Il Giudice Istruttore. Dan kien joqgħod jisma’ u jiġbor il-provi u kważi jagħmel proċess hu. Meta t-Taljani ndunaw illi dak kien l-għerq ta’ ħafna problemi biddlu s-sistema u l-fażi tal-Istruttoria, iġifieri il-kumpilazzjoni, ħaffewha immensament.  U bħala punt importanti hu li filwaqt li jinġabru xi xhieda rilevanti u jkun hemm l-informazzjoni fid-dokumenti kollha li tingħata id-difiża, il-proċess mhux isir darbtejn imma jsir darba biss quddiem il-Qorti li trid tiġġudika.  

Aħna x’qed jiġri, kien jiġri u għadu jiġri?  Mhux biżżejjed illi jkun hemm statistika li turi ċertu progress.  Għaliex nerġgħu koppi kif erġajna koppi diversi drabi.  

Ma jistax ikun illi jsir proċess darbtejn, darba waqt il-kumpilazzjoni u imbagħad fil-ġuri.  Jekk ikun quddiem il-maġistrat u l-kas jerga’ jmur quddiem il-maġistrat allura dak ix-xogħol ma jirrepetix ruħu.  Pero` tant il-kas isir bis-sulluzzu illi n-nies jinsew, tintitlef l-attenzjoni minn fuq il-kas.  Jkun hemm min jgħid, “Dan x’ġara?  Ma ġara xejn? Difnuh?”, meta filfatt jkunu qed jsiru seduti li ma jwasslu mkien.  Tgħiduli, x’iġifieri ma jwasslu mkien?  Jekk per eżempju, l-Avukat Ġenerali tissemma’ li fl-inċident kien hemm karozza viċin b’ċertu numru, ittella xhud minn Transport Malta biex tgħid fuq min hi rreġistrata l-karozza.  Fis-seduta ta’ wara, iħarrku lil sid dik il-karozza biex jgħid jafx xi ħaġa fuq il-kaz.  U dawn affarijiet li setgħu għamlulhom il-pulizija f’investigazzjoni u jinfurmaw lil Qorti u mhux kif qed jiġri llum.  

L-agħar pożizzjoni hija tal-persuni arrestati.  B’emenda li saret ftit taż-żmien ilu, bejn seduta u oħra ta’ bniedem arrestat iridu jgħaddu sittġimgħat.  Bejn seduta u oħra ta’ persuna li mhux arrestat, jgħaddu sitt ġimgħat.  Dan sewwa?  Le, mhux sewwa, għaliex min hu arrestat għandu, skont il-Qorti Ewropeja, privileġġ fuq ħaddiehor illi jinsab bil-liberta` proviżorja.  Pero` dawk is-sentenzi ta’ kritika li l-Qorti Ewropeja għamlet fuq is-sistema Maltija, jiddispjaċini ngħid illi kienu żejt mhux fil-lampier imma x’imkien iehor!

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend