Aġġornat: Il-bouncers iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom | One News

Notifiki

Aġġornat: Il-bouncers iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom

Dehru quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud is-sitt bouncers  li f’Mejju li għaddha allegatament taw xebgħa lil żewġt’ irġiel barranin. Ilkoll wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, jiġifieri li sawwtu u kkaġunaw ġrieħi gravi lil żewġ barranin. Fl-ewwel seduta instemgħet ix-xhieda tat-tabib li eżamina lill-vittmi, tal-Pulizija, tas-sid tal-istabbiliment li ta l-filmat lil-Pulizija, kif ukoll tal-vittmi nfushom. Ir-raġel mill-Jordan ta’ 31 sena, irrakkonta kif ma’ sbiħ il-Ħadd nhar il-21 ta’ Mejju, kien sejjer lejn id-dar, waqt li sema l-mużika ħierġa minn stabbiliment, b’għadd ta’ nies għadhom deħlin u ħerġin. Hu mar biex jidħol, fejn qal ‘bonġu’ lill-bouncers ta’ mal-bieb, iżda għal xi raġuni dawn ma ħallewħx jidħol.

Sadanittant ġie raġel minn warajh, u taħ daqqa fuq għonqu. Malli se jdur, ingħata daqqa oħra minn dak li beda jitkellem miegħu, fejn baqa jiġi msawwat sa’ ma spiċċa mitluf minn sensieh. Hu xehed li ma jiftakarx eżattament x’ġara. Sieħbu, Alhasan Ali, is-Sirjan ta’ 29 sena, xehed li stieden lill-bouncers għall-ġlied, fejn marru kollha fuqu.

Irrakkonta kif wieħed minnhom taħ daqqa ta’ flixkun tal-ħġieġ f’rasu, waqt li ieħor ferielu jdejh b’sikkina.

Qal li kien hemm bejn għaxra u għoxrin persuna jsawwtuh, minħabba li fi kliemu, bdew ġejjin minn kullimkien. Hu xehed ukoll li qabel din il-ġlieda ma kien involut fl-ebda taqbida oħra matul il-lejl. It-tabib David Agius, li kien stazzjonat f’Mater Dei, ikkonferma l-ġrieħi li ġarrbu l-allegati vittmi, fejn spjega li nstab tbenġil mal-għajnejn, u saħansitra xi ksur. Id-difiża eżaminat ukoll lis-sid tal-istabbiliment li pprovda l-filmat li spiċċa xxerred mill-midja.

Dan qal li ġie kkuntatjat mill-Pulizija biex jipprovdi l-filmat tas-CCTV, u li impjegat ta’ kumpanija tas-sigurtà għamilhulu fuq CD. Intant, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Trevor Micallef, għaddiet tliet filmati lill-Qorti, li se jkunu qed jiġu eżaminati mill-Maġistrat u mill-esperti maħtura.

Il-Qorti imponiet lill-bouncers milli jagħmlu kuntatt mal-allegati vittmi. Jekk din il-kundizzjoni tinkiser, l-imputati jistgħu jeħlu sa’ sitt xhur priġunerija, flimkien ma’ multa ta’ elfejn ewro.

Il-kawża se tkompli tinstema fit-12 ta’ Settembru li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend