Żagħżugħ Franċiż ġie kkundannat 14-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn, wara li matul il-lejl li għadda seraq żewġ mowbajls, wieħed tat-tip HTC u l-ieħor Samsung, mingħand żewġ nisa. Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu fl-istabbiliment Fuego, f’Paceville.
Waqt li l-mowbajl HTC instab fuq il-Franċiż, u ġie rritornat lill-vittma, dak tat-tip Samsung baqa’ ma nstabx.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Aaron Farrugia hu ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Intqal kif il-Franċiż, Louis Valee, hu student infirmier ta’ għoxrin sena, u kien jinsab f’pajjiżna għal btala ta’ ġimgħa.
Il-prosekuzzjoni appellat biex isir eżempju miż-żagħżugħ, fid-dawl li l-pickpocketing hu fenomenu li kulma jmur qed jiżdied. Hawn id-difiża rribattiet billi spjegat li dan għandu kondotta nadifa, u li kien lest li jħallas għall-mowbajl mitluf.
B’hekk il-Qorti kkonkludiet li apparti s-sentenza ta’ 14-il xahar ħabs sospiżi, Valee għandu jħallas tmien mitt ewro bħala kumpens għal sidt il-mowbajl.